L-MUT imħassba dwar il-pjanijiet tal-Gvern għall-Università

Il-Unjin Maltija għall-Għalliema (MUT) qalet li l-istrutturar propost mill-Gvern għall-Università ta’ Malta jqajjem numru ta’ kwistjonijiet.
Fi stqarrija l-MUT qalet li b’konsegwenza ta’ struttura Governattiva ġdida l-funzjoni tal-istituzzjoni tista’ tibda tiġi diċeduta minn bord non-akkademiku. Skont il-Unjin, dan jista’ jwassal biex l-Università tinbidel f’dipartiment ieħor fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni. B’hekk il-prijoritajiet akkademiċi kapaċi jitwarbu għall-ġenb.
Il-Unjin kompliet tgħid li hemm ċans li l-istaff akkademiku ma jkunx jista’ jieħu inizjattiva professjonali bil-mexxejja akkademiċi jkunu hemm biss għall-isem.
Il-MUT stqarret li l-Kumitat Ewropew għat-Trade Unions għall-Edukazzjoni (ETUCE) esprimiet it-tħassib tagħha dwar sforzi fl-edukazzjoni ogħla li jistgħu jwasslu biex l-universitajiet jiġu ridotti għal istituzzjonijiet li ma jippreparawx lis-studenti għall-bżonnijiet tal-futur.
Fl-istqarrija, l-Unjin Maltija qalet li soċjetajiet demokratiċi għandhom bżonn ċentri tal-edukazzjoni ogħla u tar-riċerka li huma ħielsa u indipendenti. Dawn għandhom ukoll jinkoraġġixxu l-ħsieb kreattiv u indipendenti.
Il-President tal-MUT Marco Bonniċi saħaq li l-Unjin diġà kienet ikkritikat ir-reviżjonijiet li saru lil-liġi tal-Istitut għall-Edukazzjoni. Qal li t-tibdil elimina l-indipendenza tal-istitut u li issa il-Ministeru jista’ jdaħħal lin-nies tiegħu fuq il-bord.
Bonniċi żied jgħid li huwa ġustifikat li wieħed ikun konċernat dwar dak li jidher li huwa “ħidma biex istituzzjonijiet awtonomi jiġu ċentralizzati”.  
Fl-istqarrija tagħha, il-MUT ħeġġet lill-Gvern biex jistudja aktar l-implikazzjonijiet tal-proposti biex jara li dawn jaħdmu aħjar fil-prattika.
Il-unjin temmet l-istqarrija tesprimi d-diżżappunt tagħha li ma kienx hemm referenza adegwata għall-Junior College.
Fi kliem il-MUT, il-liġi l-ġdida għandha tenfasizza l-irwol tal-Junior College bħala istituzzjoni pre-terzjarja u bħala istituzzjoni akkademika ta’ eċċellenza. Żiedet tgħid li l-istrutturi Governattivi tal-kulleġġ għandhom isiru bħal dawk tal-Università.