L-MUT iddiżappuntata li “l-Gvern bidel skola f’mużew”

L-Unjin tal-għalliema, l-MUT qalet li hija ddiżappuntata li l-Gvern bidel il-bini ta’ skola fir-Rabat, Għawdex għal mużew.
Ilbieraħ il-Kummissjoni tal-Ippjanar tat il-permess tagħha biex il-Liċeo tas-Subien f’Għawdex jinbidel f’mużew u ċentru kulturali.
L-MUT fi stqarrija qalet li d-deċiżjoni ġiet minkejja l-bżonn li l-iskola primarja tar-Rabat Għawdex timxi għal post ikbar minħabba li l-bini eżistenti fi Triq il-Vajrinġa huwa antik u żgħir.
L-MUT semmiet ukoll laqgħat li saru bejn l-għalliema u l-Ministeru u qalet li l-Gvern baqa’ tal-fehma li jċekken l-iskola Medja ta’ Għawdex biex fl-ispazji miftuħa, jibni skola primarja u child care centre.
L-Unjin saħqet li kemm il-Primarja u kemm dik Medja jistħoqqilhom faċilitajiet edukattivi adattati u mhux estensjonijiet ta’ binjiet eżistenti.
L-għalliema reġgħu appellaw lill-Gvern biex jikkunsidra x-xewqa tal-edukaturi u ssir deċiżjoni biex tinbena skola primarja ġdida bil-faċilitajiet kollha neċessarji.
Ilbieraħ ukoll, il-Gvern ħabbar li ħatar lill-eks Ministru Anton Refalo bħala ċ-Chairperson il-ġdid ta’ Heritage Malta.