“L-MUT ġiet użata” – Comodini Cachia

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia saħqet li l-Unjin tal-għalliema, l-MUT, ġiet użata.
Fil-Parlament, filwaqt li semmiet il-kummenti negattivi li rat fuq il-mezzi soċjali, Comodini Cachia qalet li dan kien “l-apprezzament li wrew l-għalliema li juri l-mod kif skont hi “ħassewhom traduti jew ingannati”.
Saħqet li mhux minnu dak li ġie mħabbar li l-għalliema se jieħdu 20% żieda. Spjegat li dan mhux veru għal kull edukatur.
“Qatt sa issa ma kellna l-professjonisti jinqasmu”
Comodini Cachia qalet li qatt sa issa ma kien hawn professjonisti li jinqasmu. Akkużat lill-Gvern li ġab din il-qasma għax fakkret f’dak li qalet l-MUT meta kkonfermat li kien il-Gvern li qalilha biex ma tikkomunikax mal-membri tagħha l-ftehim kollu li ġie milħuq.
Iddikjarat li dan se jibqa’ ftehim storiku għax fi kliemha tgħid li “qatt daqs illum m’għandna nuqqas ta’ għalliema” fl-istess waqt li l-kundizzjonijiet f’dan il-ftehim ma jattirawx biżżejjed nies ġodda.
Appellat biex ir-riżorsi li jingħataw lill-għalliema jkunu riżorsi adegwati. Spjegat li l-ftehim milħuq ma jagħtix garanziji li s-servizzi ta’ appoġġ fl-edukazzjoni se jiżdiedu.
Comodini Cachia kienet qed tagħmel id-diskors tagħha fl-aġġornament tal-Parlament meta tkellmet dwar il-ftehim settorjali li l-Gvern għamel mal-għalliema u dwar l-Università Amerikana ta’ Malta.
Dwar il-kummenti tal-Prim Ministru li l-Università Amerikana ta’ Malta u l-Università ta’ Malta huma “żewġ istituzzjonijiet brillanti”, Comodini Cachia qalet li Joseph Muscat u l-Gvern mhumiex kburin bl-Università ta’ Malta.
Spjegat li l-Prim Ministru m’għandux idea ta’ kwalità minħabba li skont hi, ma jarax id-differenza bejn “mijiet ta’ snin ta’ tagħlim u riċerka” u “persuna waħda tmexxi 17-il student għal ftit ġimgħat”.
Dwar dan, hija qalet li tifhem li l-istudenti tal-Università, u l-letturi tagħhom ma ħadux gost b’dan il-kumment.
Comodini Cachia qalet li l-Gvern mhux qed jimplimenta t-tagħlim taż-żewġ lingwi uffiċjali b’mod ġust. Semmiet ir-riżultat tat-test PIRLS li skont hi juri li l-politika taż-żewġ lingwi “mhix qed tagħti l-frott maħsub”.
Appellat ukoll lill-Gvern biex isib viżjoni ċara fl-edukazzjoni u li tkun waħda magħżula fuq riċerka li tkun diġà saret.