L-MUT għadha ma qablitx fuq il-linji gwida għall-ftuħ tal-Università

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) qalet li hi għadha ma qablitx fuq il-linji gwida dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-Università.

Fi stqarrija maħruġa lbieraħ filgħaxija, l-MUT spjegat li dalgħodu għandha laqgħa mal-Università, li fiha se tagħti l-pożizzjoni tagħha dwar il-linji gwida.

L-unjin kisbet rispons dwar dawn il-linji gwida mill-membri tagħha, u qbil għadu ma ntlaħaqx. Hija qalet li tittama li l-amministrazzjoni tal-Università tikkunsidra r-rispons li se tagħti l-MUT qabel ma tippubblika l-linji gwida.

Ilbieraħ, il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) ħabbar li wara laqgħa tas-Senat tal-Università kien deċiż li l-lezzjonijiet tal-Università se jsiru fil-maġġorparti tagħhom online, filwaqt li fejn hu possibbli se jkun hemm għażla għal lezzjonijiet fl-Università wkoll.

L-Assoċjazzjoni Akkademika tal-Università ta’ Malta (UMASA) fi stqarrija qalet ukoll li tixtieq tikkjarifika li għall-kuntrarju ta’ li qed jgħidu r-rapporti fil-midja, għad m’hemmx qbil mal-unjins rappreżentanti tal-ħaddiema dwar il-ftuħ ta’ protokolli għas-sena akkademika li jmiss.