L-MUT f’diskussjoni mal-Gvern dwar skola virtwali għal persuni vulnerabbli

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Malta Union of Teachers (MUT) bħalissa qed tiddiskuti proposta ml-Ministeru għall-Edukazzjoni sabiex tistabbilixxi skola virtwali sabiex ikun hemm opportunitajiet aħjar għall-istudenti u l-għalliema li huma vulnerabbli u ma jistgħux jattendu fl-iskejjel fiżikament.

L-MUT qalet li tifhem li studenti li ma jistgħux jattendu fl-iskejjel fiżikament din is-sena skolastika, minħabba kundizzjonijiet ta’ saħħa, għandhom ikunu pprovduti mezzi alternattivi ta’ edukazzjoni li tħares lejn il-bżonnijiet tagħhom.

L-union qalet li qed tiffinalizza d-diskussjonijiet mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, li timpjega l-għalliema u toffri s-servizz tal-edukazzjoni, dwar li jinbeda servizz alternattiv li jħaress il-bżonnijiet ta’ persuni vulnerabbli. L-union qalet li dan m’għandux jaffettwa l-piż tax-xogħol fuq l-għalliema għax is-servizz għandu jimxi b’mod parallel mal-edukturi.

Għalliema li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt irreaġixxew għal din l-aħbar u esprimew ix-xettiċiżmu tagħhom. Huma sostnew li lanqas biss hemm biżżejjed għalliema fil-klassijiet, aħseb u ara biex jinbeda servizz ieħor. L-għalliema rrimarkaw li sistema tat-tip messha ilha ħafna li ġiet maħsuba, speċjalment wara tant xhur fejn kien hemm ċans li wieħed jaħseb kif setgħu jiġu addattti l-iskejjel u l-edukazzjoni għall-coronavirus. Insistew li pass tat-tip jirrikjedi perjodu diċenti fejn isiru s-sejħiet neċessarji u mhux isir kollox bl-għaġġla.

Min-naħa tiegħu fuq Facebook il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna qal li din hija aħbar ferm sabiħa. Sostna li huwa ferm importanti li l-unions u l-Gvern jaħdmu id f’id biex ikun hemm ġustizzja mal-minoritajiet.

Nhar it-Tnejn l-union ħarġet ultimatum sal-Ħamis biex il-Gvern jieħu l-azzjonijiet neċessarji u jimplementa miżuri ġodda li jiġġieldu l-pandemija tal-coronavirus. Qalet li jekk dan ma jsirx, fi ftit jiem, se jkun hemm sitwazzjoni fejn l-iskejjel mhux se jkollhom biżżejjed edukaturi jew minħabba l-leave ta’ kwarantina, jew għax l-edukaturi jispiċċaw huma stess jimirdu bil-virus.