L-MUT b’ultimatum lill-Gvern biex jieħu miżuri ġodda

DOI: Clifton Fenech

Read in English.

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) tat ultimatum lill-Gvern biex jieħu miżuri ġodda sal-Ħamis li ġej biex titrażżan l-imxija tal-coronavirus. Sadattant, hi se toħroġ sett ta’ direttivi għall-għalliema.

Fi stqarrija, l-MUT qalet li hi mħassba ferm dwar in-numru ta’ każijiet pożittivi li qed ikunu rrappurtati kuljum. Qalet li billi diġà kien hemm każijiet pożittivi fl-iskejjel, fi ftit jiem jista’ jkun hawn skejjel li ma jkollhomx edukaturi biżżejjed biex jagħtu servizz minħabba ċirkustanzi ta’ leave tal-kwarantina jew tal-mard.

L-MUT saħqet li hi r-responsabbiltà tal-Gvern li jara li l-iskejjel li fetaħ ikollhom il-miżuri kollha tas-saħħa u s-sigurtà. Skont l-unjin, l-isforzi kollha tal-edukaturi, li qed jimplimentaw protokolli tas-saħħa riġidi fl-iskejjel, “se jisfumaw fix-xejn meta l-istudenti jkunu barra mill-iskejjel.” Dan minħabba li d-distanza soċjali mhix tiġi osservata kullimkien, u skont l-unjin, miżuri bl-għan li jrażżnu t-tixrid tal-virus huma ftit wisq. L-unjin osservat ukoll li “għad hemm wisq direzzjonjiet kunfliġġenti mill-istess esponenti tal-Gvern.”

Għalhekk, hi appellat lill-Gvern sabiex jibgħat messaġġi ċari, jieħu miżuri ġodda li jrażżnu t-tixrid tal-virus filwaqt li jżid il-miżuri tal-infurzar. L-MUT tatu ultimatum sa nhar il-Ħamis 15 ta’ Ottubru sabiex jieħu l-miżuri mitluba. Sadanittant l-MUT se tkun qed tħabbar sett ta’ direttivi li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi.

Ilbieraħ, Newsbook.com.mt żvela li l-Kap tal-iskola Sacred Heart għandha l-coronavirus. Apparti hekk, il-UPE ħabbret għadd ta’ każijiet oħra fi skejjel differenti.

Il-ġimgħa li għaddiet l-MUT talbet lill-Gvern ikun aktar ċar fuq il-każijiet fl-iskejjel sabiex ma tibqax tinxtered informazzjoni li mhix veritiera.