L-MUT b’aktar laqgħat wara laqgħa inkonklussiva mal-Prim Ministru

Aġġornat 04:35 PM
Ritratt: FES

Read in English.

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) se jkollha aktar diskussjonijiet illum wara li lbieraħ kellha laqgħa inkonklussiva mal-Gvern fuq il-ftuħ tal-iskejjel. Illum reġgħet bdiet bit-taħditiet mal-Ministeru tal-Edukazzjoni.

L-MUT tixtieq li l-iskejjel ma jinfetħux nhar it-Tnejn li ġej kif inhu ppjanat. Ilbieraħ, hija kkritikat lill-Gvern talli mhuwiex jimplimenta l-miżuri li qed tipproponi hi, imma dawn qed jinjorahom.

Wara li d-diskussjonijiet bejn l-MUT u l-Ministeru tal-Edukazzjoni fuq is-suġġett fallew, l-MUT laqqgħet il-Kunsill tagħha. Imbagħad iltaqgħet mal-Prim Ministru Robert Abela, mal-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici u ma’ uffiċjali għolja tal-Gvern f’Kastilja. Madankollu, din il-laqgħa ma kinitx sodisfaċenti, u b’hekk jeħtieġ li d-diskussjonijiet ikomplu.

Waranofsinhar, l-unjin qalet li d-diskussjonijiet mal-Ministeru reġgħu bdew.

Il-Kunsill tal-MUT għandu jerġa’ jiltaqa’ llum waranofsinhar.

Fuq is-sit elettroniku tagħha, l-MUT qalet li tifhem l-urġenza li jkun hemm ċertezzi fuq il-ftuħ tal-iskejjel, imma bħalissa qed tagħmel dak li tista’ biex tipproteġi s-saħħa tal-edukaturi u l-istudenti.