L-MUT b’direttivi lill-għalliema fil-proġett tal-Assedju u fil-primarji

L-MUT qed tagħti direttiva lill-membri tagħha li kienu nvoluti fil-proġett tal-Gvern dwar l-anniversarju tal-Assedju l-Kbir biex jibqgħu għaddejjin kif ippjanat u qed tavża lill-Gvern li jekk sa nhar it-Tnejn ma tinstabx soluzzjoni għall-iskejjel Primarji, se tordna direttivi industrijali fl-iskejjel.
Il-unjin qed tappella wkoll lill-Ministeru għall-Edukazzjoni sabiex jinvestiga min hu responsabbli ta’ dan li qed issejjaħlu fjask u jittieħdu l-passi meħtieġa.
L-MUT lesta li tieħu azzjonijiet industrijali minħabba problemi li qed jaffaċċjaw l-għalliema tad-drama, l-arti u l-mużika biex jilħqu mad-doveri tagħhom fl-iskejjel u l-parteċipazzjoni tal-iskejjel tal-Istat fil-proġett tal-anniversarju tal-450 anniversarju tal-Assedju l-Kbir.
L-MUT fi stqarrija qalet li din is-sitwazzjoni żviluppat wara nuqqas ta’ kordinament bejn id-Direttorati fi ħdan il-Ministeru stess, għalkemm l-attività ilha tiġi ppjanata minn qabel ix-xhur tas-sajf u se tinvolvi numru kbir ta’ tfal u skejjel.
Il-unjin qed tinsisti li minkejja li l-awtoritajiet kienu jafu li dan il-proġett seta’ rriżulta fi ksur tal-ftehim settorali, xorta kollox baqa’ għaddej.
L-MUT qalet li din hija mossa li turi mhux biss nuqqa ta’ kordinazzjoni iżda wkoll nuqqas ta’ rispett lejn l-għalliema tal-Primarja u għalliema oħra nvoluti f’dan il-proġett.