L-MUMN twissi kontra l-parties; lesta timponi direttivi

Arkivji/Miguela Xuereb

Read in English.

Il-President tal-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, Paul Pace qal li l-unjin lesta timponi direttivi fuq il-membri tagħha jekk il-Gvern ma jwaqqafx il-parties milli jsiru. Spjega li dawn id-direttivi jinkludu t-twaqqif ta’ servizzi mhux essenzjali fl-isptarijiet iżda mhux fid-dipartiment tal-emerġenza.

Dan fl-istess jum li l-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta (MAM) elenkat 12-il direttiva għat-tobba li mistennija jidħlu fis-seħħ mit-Tnejn 3 ta’ Awwissu.

Paul Pace kien qed jitkellem fil-programm Newsbook Hour il-Ħadd waranofsinhar fejn qal li bħalissa hemm madwar 30 infermier u 4 tobba fi kwarantina minħabba l-irresponsabbiltà tal-persuni li attendew il-parties.

Ma’ Jes Saliba fuq 103 Malta’s Heart, Paul Pace tkellem dwar l-importanza tas-social distancing fejn qal li għalkemm minħabba l-ekonomija ċertu attivitajiet kellhom jerġgħu jinfetħu xorta waħda baqgħu jżommu d-distanza. Semma l-eżempju tar-ristoranti fejn l-imwejjed qed jinżammu f’ċerta distanza iżda qal li attivitajiet oħra bħalma huma l-marċijiet tal-festi d-distanzi ma jistgħux jinżammu.

Qal li l-Gvern għamel sew li waqqaf dawn il-marċijiet iżda qal li dwar il-parties li jsiru l-Gvern kulma għamel hu li impona regola ta’ 10 persuni għal kull grupp. Qal li din ir-regola hija “tad-daħq” għax ma tistax tinżamm.

Pace semma l-eżempju ta’ Spanja fejn qal li kellhom jerġgħu jagħlqu reġjuni sħaħ u pajjiżi bħar-Renju Unit jimponi regoli kontra l-ivjaġġar għal dawn ir-reġjuni. Spjega li jekk jiġu imposti regoli kontra l-ivjaġġar lejn Malta jbati s-settur tat-turiżmu.

Temm jgħid li l-ħaddiema fis-settur tas-saħħa lesti jagħtu servizz vitali tagħhom imma appella lill-pubbliku biex ma jabbużax billi jmur parties.

Intervistata fl-istess programm, il-Kap tat-Taqsima tal-Infezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei, Dr Tanya Melillo appellat lill-pubbliku biex ikun paċenzjuż u jifhem li hemm lista ta’ stennija għall-iswab tests, hekk kif ammont kbir ta’ nies qed iċemplu biex jagħmlu t-test.