L-MUMN tordna lill-membri tagħha ma jattendux kors fl-off duty

L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel Maltin (MUMN) ħarġet direttiva lill-infermiera membri tagħha li jaħdmu f’Mater Dei sabiex ma jattendux kors offrut mill-maniġment waqt il-ħinijiet li ma jkunux xogħol.
Fi stqarrija l-MUMN qalet li ma taqbel xejn mad-deċiżjoni li l-kors dwar l-intelliġenza emottiva, Emotional Intelligence, jingħata waqt il-ħinijiet meta l-infermiera ma jkunux xogħol.
L-unjin irrimarkat li bix-xogħol dejjem jiżdied fuq l-infermiera, kif ukoll bin-nuqqas tagħhom li hemm, xi ħaġa hekk tista' żżid mal-istress assoċjat ma’ dax-xogħol.
Kien għalhekk li l-unjin talbet lill-membri tagħha sabiex ma jattendux dan il-kors, kif ukoll ma jwiġbux l-ittra li ntbagħtitilhom mill-maniġment li talbithom jagħtu raġuni għan-nuqqas ta’ attendenza tagħhom.
L-MUMN temmet tgħid li r-risposta diġà jafuha tal-maniġment, u għalhekk l-infermiera m’hemmx bżonn iwieġbu.