L-MUMN tinsisti li l-infermiera mhumiex responsabbli jekk pazjenti jweġġgħu lilhom infushom

Il-unjin tal-infermiera u l-qwiebel (MUMN) qed tinforma lil Maġistrati, lill-Pulizija u lill-pubbliku b’mod ġenerali, li swali fl-isptar Mater Dei m’għandhomx biżżejjed carers. Għalhekk l-infermiera ma jistgħux jinżammu responsabbli f’każ li xi pazjent jaħrab mill-isptar, iweġġa’ jew joqtol lilu nnifsu.
Dan b’mod speċjali għal pazjenti li t-tobba jkunu ordnaw li għandhom jingħataw servizz ta’ sorveljanza kontinwa. L-MUMN qed tisħaq li dan kollu minħabba li l-Isptar Mater Dei għandu nuqqas ta’ flus.
Paul Pace, il-president tal-unjin, qal li l-carers normalment ikunu addizzjonali għall-istaff tas-swali, waqt li saħaq li fl-isptar hemm immaniġġjar ħażin ta’ riżorsi għax xi swali għandhom iżżejjed ħaddiema.
Sostna li l-amministrazzjoni tal-isptar kienet wegħdet li s-sitwazzjoni se titranġa imma l-wegħda qatt ma seħħet.
Għal dan il-għan, l-MUMN ħarġet sett ta’ direttivi, b’effett minn nhar l-Erbgħa jekk ma jiżdiedux il-carers – fosthom, li l-infermiera mhux ħa jaċċettaw fis-swali pazjenti ġodda li jeħtieġu s-sorveljanza kontinwa, u mhuma ħa jaċċettaw ebda pazjent ġdid matul il-lejl. Mhux se jsir ukoll xogħol ieħor fosthom li jwieġbu għat-telefon fis-swali, li jakkumpanjaw pazjenti barra mis-swali, u lanqas se jiġbru mediċini mill-ispiżerija.