L-MUMN tinsisti li l-ikel ma jinqasamx bejn in-nies fil-bars minħabba t-tixrid tal-virus

L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel laqgħet il-kjarifika tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) dwar l-avviż legali li jippermetti li l-każini u l-bars jiftħu ġaladarba jservu l-ikel mal-imwejjed, u kulħadd ikun bilqiegħda. Madankollu, hi insistiet fuq żewġ punti: li l-ikel ma jinqasamx bejn in-nies minħabba t-tixrid tal-mikrobi, u li jiżdied l-infurzar.

Fi stqarrija maħruġa waranofsinhar, l-MUMN saħqet li mhux se toqgħod lura milli tieħu azzjoni industrijali jekk il-miżuri ma jittiħdux bis-serjetà.

Dwar l-ewwel aspett, l-MUMN qalet li tifhem li l-ikel li jitqassam fil-bars u l-każini normalment ikun intenzjonat li jinqasam bejn dawk mal-mejda, pereżempju bħal platters. Madankollu, hija fakkret li bi platter il-mikrobi jistgħu jinxterdu faċilment minn persuna għall-oħra. Għalhekk, hija tistenna lill-MTA li tara l-menus sabiex taċċerta ruħha li l-ikel ma jinqasamx bejn in-nies.

Rigward l-infurzar, l-infermiera insistew li dan hu kruċjali. Saħqu li l-kredibbiltà tal-Gvern fejn jidħol l-infurzar mhix waħda b’saħħitha, u l-MUMN għandha d-dubji tagħha dwar kemm il-miżuri l-ġodda se jirnexxu minħabba dan. Sostniet li wieħed ma jistax jistenna li miżuri tas-saħħa pubblika jittieħdu bis-serjetà meta jsir biss infurzar fuq it-trasport pubbliku u fis-supermarkets.

L-uniku aspett pożittiv meta wieħed iqis in-numri allarmanti ta’ każijiet ta’ bħalissa, skont l-Unjin, huwa li r-rata tal-mortalità f’Malta għadha ma teżistix, imma dan ma jfissirx li hemm garanzija li ‘l quddiem m’għadx ikun hemm aktar imwiet.