L-MUMN tinsisti li l-ħaddiema tas-saħħa jingħataw żraben addattati

L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ilmentat dwar iż-żraben li ngħataw ċerti infermiera, u insistiet li dawn jingħataw ilbies protettiv minflok żraben tat-tip crocs li għandhom it-toqob fuq quddiem.

F’ittra miftuħa mibgħuta lill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Celia Falzon, l-MUMN qalet li dan huwa inaċċettabbli, peress li ż-żraben imsemmijin mhumiex ta’ protezzjoni għall-infermiera u l-bqija tal-ħaddiema tas-saħħa. Apparti dan, l-infermiera u t-tobba huma mistennija li jużaw l-istess żraben, u dan ukoll, skont l-Unjin huwa inaċċettabbli, speċjalment fis-sitwazzjoni kurrenti ta’ pandemija.

L-Unjin tenniet li ma jistax ikun li l-infermiera jkollhom iwaħħlu t-tape maż-żraben tagħhom biex jgħattu t-toqob. Hija talbet li minflok dawn iż-żraben, il-ħaddiema tas-saħħa jiġu pprovduti b’par żarbun addattat għal kull wieħed u waħda minnhom.

Fakkret li l-coronavirus ma jittiħidx biss b’mod respiratorju, imma anke b’kuntatt ieħor bejn in-nies.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn