L-MUMN tgħid li ħaddiema f’Mater Dei mhux jingħataw l-ikel allokat lilhom

L-Unjin Maltija tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) talbet laqgħa b’urġenza mal-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, minħabba fost l-oħrajn deċiżjoni li jitwaqqaf l-ikel għal min jaħdem part-time jew bis-sigħat imnaqqsa f’Mater Dei.
It-talba hi biex il-Ministru stess jintervjeni sabiex jinstab qbil bejn l-MUMN u d-Dipartiment tas-Saħħa.
L-impjegati li l-MUMN semma ilhom intitolati li jirċievu l-ikel għal dawn l-aħħar tlettin sena però f’dawn l-ahħħar ġranet dan twaqqaf anki jekk dawn l-impjegati qed jaħdmu l-istess ammont ta’ sigħat daqs il-full-timers.
Id-deċiżjoni ttieħdet mill-Maniġment ta’ Mater Dei, u l-MUMN qal li dan qed jinjora ċirkolari ppubblikata mis-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-2007, li tistipola li l-part-timers u dawk li jaħdmu bis-sigħat imnaqqsa huma intitolati għal dak kollu li għandhom il-full-timers iżda prorata.
Barra minn dan, hemm kwistjoni oħra li l-MUMN trid li l-Ministru Fearne jindirizza, dik dwar il-ġurnata liv żejda allokata fil-Baġit 2018.
L-unjin qalet li l-ammont ta’ sigħat li qed jingħataw lill-infermiera u l-qwiebel mhumiex l-istess għall-ammont li dawn il-professjonisti kellhom qabel ittieħdu dawn il-ġranet liv marbuta mal-festi nazzjonali.
L-istqarrija ttemm tgħid li ċ-ċirkolari ppubblikata mis-Segretarju Permanenti Ewlieni tistipola b’mod ċar li minn jaħdem fuq bażi ta’ roster għandu jiġi mogħti l-ammont ta’ sigħat li jirriflettu r-roster tal-impjegat.