L-MUMN takkuża l-gvern li jipprova jimmina azzjonijiet industrijali

Read in English.

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ħarġet żewġ direttivi b’effett immedjat minħabba pressjonijiet biex l-infermiera jagħmlu s-sahra u jbiddlu r-rosters biex ikunu jistgħu jagħtu l-vaċċin tal-influenza.

Il-membri tal-union ġew ordnati biex la jagħmlu s-sahra u la jaċċettaw tibdil fir-roster biex jamministraw il-vaċċin. Il-union qalet ukoll li minflok ipprova jsib soluzzjoni, il-gvern prova jħaddem infermiera mill-privat biex iħarbtu l-azzjonijiet industrijali.

“Il-gvern qed jagħmel minn kollox biex jinnewtralizza d-direttivi tagħna rigward iż-żieda ta’ 16-il siegħa ta’ leave lill-membri tagħna, u fuq l-allowance għall-ikel għall-infermiera li jaħdmu fis-settur tal-kura primarja,” l-MUMN qalet lill-membri.

Din iż-żieda fil-leave hi relatata mal-wegħda tal-gvern li jingħataw lura bħala ġurnata leave il-festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa.

“Din il-wegħda għandha tinżamm, u li ttieħed minna għandu jingħata lura,” qalet il-union, li esprimiet diżappunt għall-mod kif il-gvern mar minn wara daharha biex jipprova juża infermiera privati minflok jipprova jilħaq ftehim.