L-MUMN irrabjata għall-Università għax mhix se tħallas lill-istudenti

L-Unjin Maltija tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qalet li hja ddiżappuntata għall-mod kif l-Università ta’ Malta ttrattat lill-istudenti tal-infermerija meta infurmathom fl-aħħar minuta li mhix se tħallashom tal-prattika li għamlu.
L-MUMN qalet fi stqarrija li l-Università bagħtet imejl lill-istudenti tinfurmahom li mhux se jitħallsu għall-prattika klinika f’Ġunju.
Dan ħoloq paniku fost l-istudenti għax kellhom ħafna sigħat ta’ prattika f’Ġunju, kif ukoll ġew mgħarrfa fl-aħħar jum tal-prattika.
L-istudenti fil-Higher Diploma tal-Istudji fl-Infermerija u dawk fil-Baċellerat tax-Xjenzi fl-Infermerija kienu qed jitħallsu għall-prattika li hi parti mill-kors, anki bħala inċentiv biex aktar jitħajru għal dil-vokazzjoni.
L-MUMN fakkret li l-ħlas kien qed isir għal dawn l-aħħar snin mid-Dipartiment tas-Saħħa, għalhekk talbet lill-Ministeri għall-Edukazzjoni u għas-Saħħa sabiex isibu soluzzjoni bis-sens għal din it-tabxa.
Temmet tgħid li dan l-inċident jista’ jtappan l-isforsi kollha li saru biex aktar żgħażagħ jitħajru jidħlu fid-dinja tal-infermerija.