L-MUMN b’azzjoni industrijali kontra Steward f’Għawdex

Aġġornat 04:49 PM

Read in English.

L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qiegħda tieħu azzjoni industrijali kontra Steward Healthcare peress li l-kumpanija trid timpjega infermiera barranin fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex meta hemm infermiera Għawdxin li jaħdmu f’Malta li qegħdin jistennew biex jiġu trasferiti fl-isptar t’Għawdex.

Fi stqarrija, l-MUMN qalet li ma tistax taċċetta li Steward Healthcare ma żżommx mal-ftehim maqbul bejn id-Dipartiment tas-Saħħa, Steward stess u l-MUMN.

L-MUMN qalet li tistenna li Steward Healthcare timxi mal-aspett soċjali t’Għawdex, fir-rigward li bosta Għawdxin ma jkollhomx għażla ħlief li jħallu darhom u jaħdmu jew jistudjaw f’Malta. L-unjin qalet li huwa insult li l-kumpanija timpjega infermiera barranin biex jaħdmu fl-isptar t’Għawdex. Dan l-aġir, skont l-unjin, juri nuqqas ta’ rispett lejn l-Għawdxin kollha, mhux lejn l-infermiera Għawdxin biss, u juri kemm Steward ma jinteressahiex mill-familji Għawdxin.

L-unjin kompliet tispjega li teżisti lista uffiċjali bl-infermiera Għawdxin, sabiex dawn ikunu jafu meta jmisshom jiġu trasferiti lejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Din il-lista, qalet l-unjin, dejjem kienet aċċessibbli għall-infermiera Għawdxin kollha, iżda Steward kisret din il-prattika billi injorat il-lista u impjegat lil ħaddiema barranin.

Is-servizzi tal-coronavirus mhux se jingħataw

L-istqarrija tgħid li l-MUMN ikkuntattjat lil Steward Healthcare fuq il-kwistjoni, imma dan kien kollu għalxejn. Żiedet tgħid li se jinħarġu diversi direttivi fis-swali kollha tal-isptar t’Għawdex, li se jaffettwaw lill-isptar kollu, kif ukoll lil-lukanda Downtown fejn qegħdin jinżammu pazjenti anzjani minflok fir-residenza San Ġużepp fejn għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni. Barra minn hekk, is-servizzi relatati mal-coronavirus mhumiex se jitkomplew.

Fis-17 ta’ Ġunju, se ssir protesta quddiem Kastilja mill-infermiera kollha li qegħdin jistennew li jiġu trasferiti lejn Għawdex. L-għan ta’ din il-protesta huwa li l-Prim Ministru Robert Abela jintervjeni fis-sitwazzjoni biex juri li verament jimpurtah mill-familji Għawdxin.

L-MUMN temmet tgħid li mhix se tieqaf sakemm l-infermiera Għawdxin jiġu trasferiti lejn l-isptar t’Għawdex.

Infermiera barranin jieħdu post l-Għawdxin li jaħdmu Malta – il-PN


Il-Partit Nazzjonalista qal li minħabba li Steward Healthcare fiż-żmien li ġej se timpjega numru ta’ infermiera barranin, għadd kbir ta’ infermiera Għawdxin li jaħdmu f’Malta se tispiċċalhom it-tama li xi darba jmisshom biex imorru jaħdmu Għawdex qrib il-familji tagħhom.

Fi stqarrija, il-PN sostna li l-Gvern għandu immedjatament iwaqqaf il-kuntratt ma’ Steward Healthcare.

Dan kollu qed jiġri konsegwenza ta’ deċizjoni oxxena ta’ Gvern Laburista li jbigħ is-saħħa tal-Għawdxin u taħt l-istess Gvern li wiegħed xogħol għall-Għawdxin kollha f’Għawdex stess.

Il-PN appoġġja lill-MUMN u appella lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex bla dewmien iwaqqaf il-kuntratt tal-privatizzazzjoni u jreġġa’ l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bħala sptar pubbliku immexxi mill-awtoritajiet tas-saħħa.

L-istqarrija kienet iffirmata mill-kelliema Għawdxin tal-Partit Nazzjonalista Chris Said, Kevin Cutajar u Fredrick Azzopardi u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri.