L-MUMN b’direttivi kontra l-burokrazija fl-isptarijiet

Mill-1 ta’ Novembru, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qed titlob lill-membri tagħha biex ma jiġrux aktar wara t-tobba, jew jimlew ittri biex ikollhom permess mingħand tabin biex ikollhom il-mediċini meħtieġa fil-wards.
L-Assoċjazzjoni qed tisħaq li l-infermiera u l-qwiebel għandhom ikollhom aktar awtonomija meta jiġu għall-preskrizzjoni tal-mediċini li jkollhom bżonn fil-wards tagħhom fl-isptarjiet.
Bħalissa l-infermiera ikollhom jimlew Covering Letters biex it-tobba joħorġu l-permess għall-mediċini fil-wards. L-istqarrija tispjega li dan ma jagħmilx sens għax ħafna drabi t-tobba jiffirmaw mingħajr ma jkunu jafu għalfejn.
Kien għalhekk li l-MUMN ħarġet dawn id-direttivi biex fi kliemha tnaqqas il-burokrazjija li teżisti f’dan il-qasam.
B’din id-direttiva, mediċini li ma jingħatawx mill-ispiżerija, jiġifieri antibijotiċi, mediċini kontra l-viruses u kontra d-dardir mhux se jkunu amministrati.
Fl-aħħarnett l-istqarrija ħeġġet lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex iżomm il-wegħda elettorali li jnaqqas il-burokrazija.