L-MUMN b’aktar direttivi fi swali f’Mater Dei

Il-Union Maltija tal-Infermiera u l-Qwiebel ħarġet sett ta’ direttivi għall-infermiera li jaħdmu fis-Sala tal-Ortopedija tnejn fl-Isptar Mater Dei.
Minn nhar il-Ħamis li ġej, meta fis-sala jkun hemm tliet infermiera jew inqas (minbarra ċ-Charge Nurse u d-Deputy Charge Nurse), l-infermiera mhux se joħorġu mis-sala għall-ebda raġuni. Dan ifisser li lanqas f’każ li jkun hemm bżonnhom fis-sala tal-operazzjonijiet jew fl-Imaging Department.
Id-direttivi jinkludu wkoll li l-infermiera ma jagħmlux xogħol ieħor bħar-rapporti, telefonati u li jdaħħlu l-informazzjoni fuq is-sistema.
L-MUMN lanqas ma taċċetta li minflok infermiera jintbagħtu nursing aides.
L-unjin qalet li dawn id-direttivi għandhom ifissru trattament aħjar għall-pazjent li jixraqlu li jingħata l-aqwa kura.