La tined u lanqas umbrelel fuq quddiem tal-bajja – MTA u Lands

L-Awtorità tat-Turiżmu flimkien mal-Awtorità tal-Artijiet ħarġu għadd ta’ regolamenti biex dak li seħħ ilbieraħ fl-Armier ma jerġax jiġri.
Ilbieraħ għadd ta’ persuni tellgħu tined u kampijiet li ngumbraw il-bajja daqs kemm kienet tkun ingumbrata meta kien hemm id-deckchairs u s-sunbeds li tneħħew is-Sibt ta’ qabel.
L-MTA u l-Lands qalu fi stqarrija li tined, gażibi, umbrelel u l-bqija li huma ogħla minn metru jridu jitpoġġew fuq in-naħa ta' wara tal-bajja li tkun, sabiex ma jxekklux lil ħaddieħor milli jaċċessa l-bajja.
Qalu wkoll li ma jista’ jiddendel jew jitwaħħal ebda materjal mal-umbrelel.
Sadanittant, iż-żewġ awtoritajiet se jkunu qed iwaħħlu tabelli b’din l-informazzjoni fl-Armier, Little Armier u postijiet oħra sabiex ifakkru lil kulħadd biex iżomm ma’ dawn ir-regolamenti.
Is-sinjali se jkun fihom ukoll sinjali li juru x’tista’ u ma tistax tieħu miegħek fuq bajja, kif ukoll kif iġġib ruħek b’mod li ma ddejjaq lil ħadd.
L-istqarrija ttemm tirrakkomanda lil kulħadd biex juża s-sens komun sabiex kulħadd igawdi mill-bajjiet Maltin u Għawdxin.
Ritratt: Arkivji