L-MTA tikkjarifika li l-bars jistgħu jservu biss lill-klijenti bilqiegħda

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kkjarifikat li l-avviż legali l-ġdid jippermetti lill-bars u l-każini li jservu ikel u xorb, imma lill-klijenti bilqiegħda mal-imwejjed biss.

Fi stqarrija ta’ kjarifika, l-MTA qalet li l-enfasi ewlenija tibqa’ fuq il-kunċett ta’ klijent bilqiegħda ma’ mejda u mhux idur bilwieqfa, bid-distanza soċjali relattiva applikabbli. Dan minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Dan wara li nqalgħet kontroversja meta l-MTA ppubblikat l-avviż legali fuq il-bars u l-każini. Fil-konferenza tal-aħbarijiet ta’ nhar it-Tnejn li għadda, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalu li d-discos, nightclubs u bars iridu jagħlqu mil-lum. Il-bars u l-każini, iżda, li jservu l-ikel, u li jistgħu jipprovdu ambjent ta’ ristorant, huma eżentati.

L-avviż legali maħruġ mill-MTA lbieraħ ħoloq konfużjoni, billi nftiehem minn bosta li l-bars jistgħu jiftħu u n-nies jistgħu jmorru fihom jieħdu x-xorb ġaladarba jieħdu mqar pakkett krisps. Dan wassal lill-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) biex dalgħodu tgħid li qed terġa’ tikkunsidra li tieħu azzjoni industrijali.

Il-MAM spjegat li f’dil-konferenza ġie mifhum li l-bars li għandhom liċenzja li jaħdmu bħala ristorant ukoll biss se jitħallew jagħmlu dan, billi bars fejn in-nies joqogħdu bilwieqfa, mhux bħal f’ristorant, għandhom aktar probabbiltà ta’ tixrid ta’ mikrobi. Il-MAM insistiet li li bar joffri pakkett krisps max-xorb ma jibdilx il-liċenzja tat-tali post, u lanqas il-ġenetika ta’ virus. “Min kiteb l-abbozz tal-avviż legali qed jinsulenta l-intelliġenza tal-Maltin,” saħqet il-MAM.

Intant, l-MTA saħqet li d-definizzjoni ta’ ikel servut minn bar jew każin għandha tiġi interpretata bħala tnaqqir u platters. “Li wieħed idur mal-ispirtu tal-liġi u jipprova jgħawweġ regolament u jnaqqas minn dan ir-rekwiżit a skapitu tas-saħħa tan-nies mhux aċċettabbli.”

L-Awtorità wiegħdet li se tibqa’ tenfasizza fuq id-dixxiplina.