L-MTA tgħid li l-klieb ma jridux ikunu projbiti mir-ristoranti

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qalet li l-klieb ma jridux ikunu projbiti mir-ristoranti sabiex ir-ristoranti jingħataw permess jibqgħu joperaw issa li reġgħu fetħu minkejja l-imxija tal-coronavirus.

Fi stqarrija ppubblikata llejla, l-Awtorità kkjarifikat li l-linji gwida ppubblikati f’Mejju dwar l-operat tar-ristoranti ma jgħidu xejn dwar li klieb ma jitħallewx jidħlu fir-ristoranti.

Dan wara li ntqal li l-klieb mhumiex jitħallew fir-ristoranti sabiex it-tali ristoranti jingħataw sticker li tiggarantixxi li dawn qegħdin jimxu mar-regoli mogħtija mill-awtoritajiet.

Ir-ristoranti reġgħu bdew jilqgħu lill-klijenti fit-22 ta’ Mejju wara madwar xahrejn magħluqin minħabba l-imxija tal-coronavirus. Kien intqal li jekk ir-ristoranti jinqabdu li mhumiex isegwu r-regoli l-ġodda, tista’ tittiħidilhom il-liċenzja.