L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) tinsab f’negozjati mat-tim Ingliż Manchester United biex iċċaqlaq il-ftehim għal xhur oħra wara li l-futbol fl-Ingilterra ilu wieqaf għal numru ta’ xhur minħabba l-pandemija tal-coronavirus.
Id-deputat Nazzjonalista Robert Arrigo staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli, jekk l-Awtorità talbitx flus lura mill-Manchester United, ġaladarba m’hemmx futbol u għalhekk ir-reklamar fil-ground ma ntużax.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-partnership imur lil hinn mir-reklamar fil-ground. Fissret li fl-istess ħin saru diskussjonijiet ta’ natura kummerċjali biex ikun assigurat li dawk l-assi li ma setgħux ikunu utilizzati, jiġu mċaqalqa għal xhur oħra sabiex fi kliemha jkunu aktar effettivi.
Il-ftehim bejn l-MTA u Manchester United sar f’Settembru 2019.