L-MPT tħabbar tibdil fis-skeda tal-linja

Read in English.

Il-Malta Public Transport ħabbret bdil fl-iskeda tax-xitwa, b’effett mill-Ħadd 11 ta’ Ottubru.

Fi stqarrija, qalet li r-rotot tat-trasport pubbliku ġew riveduti biex jakkomodaw il-bżonnijiet tal-passiġġiera b’żieda ta’ 25 vjaġġ addizzjonali kuljum fuq ir-rotot li jintużaw l-aktar.

Ġiet introdotta wkoll rotta ġdida – Rotta 109A, li sservi l-Kunċizzjoni fil-limiti tar-Rabat.

It-tibdil fl-iskeda hu kif ġej:

  • Rotta 2 bejn il-Belt u l-Birgu se żżid vjaġġ aktar kmieni li jitlaq fil-05:25 mill-pjazza tal-Birgu fost il-ġimgħa
  • Rotta 43 bejn il-Belt u n-Naxxar se żżid il-frekwenza għal kull 20 minuta matul peak hours fost il-ġimgħa
  • Rotta 50 bejn il-Belt u r-Rabat se tibda topera kull siegħa matul peak hours filgħodu u filgħaxija fost il-ġimgħa
  • Rotta 82 bejn il-Belt u Birżebbuġa se żżid vjaġġ aktar kmieni li jitlaq fil-05:25 mill-venda ta’ Birżebbuġa fost il-ġimgħa
  • Rotta 90 bejn il-Belt u Ħaż-Żabbar se żżid vjaġġ aktar kmieni li jitlaq fil-05:25 mill-venda ta’ Ħaż-Żabbar fost il-ġimgħa
  • Rotta 91 bejn il-Belt u Marsaskala se żżid vjaġġ aktar kmieni li jitlaq fil-05:25 mill-venda ta’ Marsaskala fost il-ġimgħa
  • Rotta X4 bejn il-Belt u Birżebbuġa se żżid vjaġġi aktar kmieni mill-venda ta’ Birżebbuġa fil-05:15, 05:40 u 06:00 fost il-ġimgħa
  • Rotta 222 bejn Tas-Sliema u ċ-Ċirkewwa se żżid vjaġġ aktar kmieni li jitlaq fil-05:25 miċ-Ċirkewwa fost il-ġimgħa
  • Rotta X1A bejn Raħal Ġdid u ċ-Ċirkewwa se tibda topera żewġ vjaġġi fis-06:40 u fis-07:05 miċ-Ċirkewwa
  • Rotta 4 bejn il-Belt u l-Birgu se tibda topera kull siegħa mit-08:00 ‘il quddiem fost il-ġimgħa
  • Rotta 15 bejn il-Belt u Tas-Sliema se tibda topera kull siegħa il-ġurnata kollha fost il-ġimgħa
  • Rotta 21 bejn il-Belt u Tas-Sliema se tibda topera kull nofs siegħa il-ġurnata kollha fost il-ġimgħa
  • Rotta 35 bejn il-Belt u San Ġwann se tibda topera kull siegħa mid-09:00 ‘il quddiem fost il-ġimgħa
  • Rotta 51 bejn il-Belt u l-Imtarfa se tibda topera kull nofs siegħa il-ġurnata kollha fost il-ġimgħa
  • Rotta 62 bejn il-Belt u s-Siġġiewi se tibda topera kull nofs siegħa mit-08:00 ‘il quddiem fost il-ġimgħa
  • Rotta 223 bejn Buġibba u Għajn Tuffieħa se tibda topera kull siegħa il-ġurnata kollha inkluż tmiem il-ġimgħa
  • Rotta 310 bejn ir-Rabat u Marsalforn se topera kull 45 minuta il-ġurnata kollha inkluż tmiem il-ġimgħa
  • Il-vjaġġi estiżi lejn ix-xtut ta’ matul is-Sajf se jirritornaw għar-rotot regolari.

L-MPT fakkret li l-passiġġieri għandhom jilbsu l-maskri matul il-vjaġġ kollu, u li jekk jixtiequ jħallsu fi flus kontanti, għandhom jipproduċu n-noll eżatt peress li mhux qed tingħata bqija. Il-biljetti jistgħu jitħallsu bis-sistema contactless fuq numru ta’ karozzi tal-linja fuq l-aktar rotot popolari.