Il-PN iressaq mozzjoni biex jitkeċċa Schembri

Read in English.

Aġġornata 7pm

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia llejla ressaq mozzjoni li ntlaqgħet b’mod unanimu mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, biex il-Prim Ministru Joseph Muscat ineħħi minnufih liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista insistiet li l-Kamra tar-Rappreżentanti tiddiskuti din il-mozzjoni b’urġenza biex Schembri jitneħħa mill-kariga pubblika sensittiva li jokkupa f’wieħed mill-ogħla uffiċċji eżekuttivi tal-Gvern Malti.

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista tlaqqa’ b’urġenza fit-3.15pm biex jiddiskuti din il-mozzjoni. Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li peress li kienet diġà tressqet mozzjoni simili fil-passat, id-diskussjoni ffukat dwar kif tista’ ssir din it-talba ġdida b’mod legali. Skont is-sorsi l-mozzjoni se tkun qed titlob ukoll biex Schembri jwieġeb il-mistoqsijiet li rrifjuta li jwieġeb fil-Qorti t-Tnejn li għadda.

F’reazzjoni, il-Partit Laburista stqarr li l-mozzjoni li ressaq Delia hi mibnija fuq l-argument li jrid li xi ħadd jitneħħa mill-kariga għax waqqaf kawża ta’ libell. Saħaq li bl-argument tiegħu Adrian Delia jista’ jgħid li din il-mozzjoni tapplika għalih għax ħadd daqsu ma mar jiġri l-Qorti biex iwaqqa’ l-libelli.

Il-PD issejjaħ biex Schembri jitressaq quddiem il-PAC

Illum l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ntalab mill-Partit Demokratiku (PD) biex isejjaħ lil Keith Schembri quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) biex iwieġeb dwar il-kumpanija 17 Black.

17 Black: Anġlu Farrugia jintalab isejjaħ lil Schembri biex iwieġeb

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rtira l-libell dwar 17 Black wara seduta mqanqla fil-Qorti tal-Maġistrati t-Tnejn li għadda.

Schembri kien mistenni jixhed dwar il-kumpanija bbażata f’Dubaj, bħala parti minn libell li fetaħ lil Simon Busuttil, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista, fuq allegat tixħim fl-2016.

Malli saritlu l-ewwel mistoqsija, Keith Schembri rrifjuta li jwieġeb fil-Qorti. Il-Maġistrat Victor Axiaq ordnalu jwieġeb u fakkru li jekk ma jagħmilx dan jista’ jkun hemm sanzjonijiet.

17 Black: Keith Schembri jirtira l-libell

X’inhi 17 Black?

Fl-2018, il-ġurnal Times of Malta żvela li l-kumpanija 17 Black f’Dubaj hija ta’ Yorgen Fenech, li huwa d-Direttur tal-Power Station tal-Electrogas f’Malta. Fenech huwa wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Tumas Group.

Aqra: The Daphne Project: “€1.3m f’17 Black – klijent prospettiv ta’ Mizzi u Schembri”; jiċħdu

It-Times of Malta f’ħidma konġunta mal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, kisbet din l-informazzjoni minn imejl li identifikat lil 17 Black bħala wieħed mis-sorsi ta’ qligħ għall-kumpaniji sigrieti fil-Panama Hearnville u Tillgate, li kienu tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rispettivament.