L-MPs tal-PN b’laqgħa urġenti b’rabta mal-assassinju

Id-Dar-Ċentrali

Read in English.

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiltaqa’ b’urġenza llum waranofsinhar fid-dawl tal-aħħar żviluppi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Kelliem għall-PN qal lil Newsbook.com.mt li l-laqgħa se tkun qed issir fis-1pm. Il-laqgħa ssejħet mill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.

Din il-laqgħa qed issir f’reazzjoni għall-aħħar żviluppi f’Malta b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Ilbieraħ l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar spiċċa taħt investigazzjoni mill-pulizija. Dan minħabba l-allegazzjoni li kien wassal informazzjoni lil terzi b’rabta mal-każ. Il-Pulizija bdiet tinvestiga lil Cutajar fuq ordni tal-Maġistrat Rachel Montebello.

Hekk kif sar magħruf li l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar se jkun qed jiġi investigat il- Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar ħareġ stqarrija li b’effett immedjat se jkun qed itemm il-kuntratt ta’ konsulenza ta’ Cutajar.

F’intervista mat-Times of Malta Cutajar ammetta li ltaqa’ ma’ Edwin Brincat (Il-Ġojja) li huwa ħabib ta’ Melvin Theuma. Theuma jgħid li huwa s-sensar fl-assassinju. Cutajar qal li ma nfurmax lill-investigaturi minn qabel bil-laqgħa li kellu.