Aġġornata: L-MPs kollha favur vot ta’ 16 fl-elezzjonijiet ġenerali

Malta se tkun it-tieni pajjiż fl-Unjoni Ewropea wara l-Awstrija, li se tniżżel l-età tal-votazzjoni fl-elezzjoni ġenerali u dik tal-Parlament Ewropew għal 16-il sena.
Dan wara li l-MPs kollha tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni fis-seduta parlamentari tal-lejla, ivvutaw b’mod unanimu favur l-Att dwar il-Vot16, fejn ma kien hemm l-ebda astensjoni jew vot kontra.
Dan l-att issa se jemenda l-Kostituzzjoni biex l-età tal-votazzjoni tinżel minn 18 għal 16-il sena.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern kellu mandat ċar mill-poplu dwar din il-kwistjoni, wara li l-vot fl-elezzjonijiet lokali kien diġà tniżżel għal 16-il sena fl-2013.

Fuq Twitter, kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus sostnew li għal darb’oħra, Malta kitbet l-istorja permezz ta’ dan il-vot unanimu fil-Parlament.

“Dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba” – KNŻ
Il-Kunsill Nazzjonali għaż-Żgħażagħ, saħaq li l-approvazzjoni tal-emenda fil-konstituzzjoni sabiex isir possibbli l-vot 16 huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.
Fi stqarrija mill-President tal-Kunsill, Michael Piccinino, qal li issa Malta għandha tiffoka fuq numru ta’ problemi oħra relatati mad-drittijiet taż-żgħażagħ.
Piccinino insista li hemm bżonn li f’Malta jkun hawn edukazzjoni kemm formali, kif ukoll informali fejn tidħol l-edukazzjoni ċivika. Metodi li jgħid li se jgħinu sabiex l-approvazzjoni tal-vot 16 tkun waħda effettiva u rikonoxxuta mill-poplu Malti u Għawdxi.
Fl-istqarrija, il-Kunsill irrefera wkoll għal xi partijiet oħra mil-liġi Maltija, speċifikament l-età tal-kunses sesswali li bħalissa hija dik ta’ 18 u l-liġi li tgħid li għaqdiet volontarju ma jistgħux ikunu reġistrati jekk jaċċettaw l-involviment ta’ żgħażagħ taħt it-18-il sena.
Tifħir għall-Gvern mill-PES
Il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej faħħar lill-Gvern Malti u lill-Partit Laburista fi ħdanu, għad-deċiżjoni biex titbaxxa l-età tal-vot għal 16-il sena, kemm għall-elezzjonijiet ġenerali kif ukoll għal dawk tal-Parlament Ewropew. 
"Il-pass li jmiss: attiviżmu politiku fost iż-żgħażagħ ta' 16" – FŻL
Il-Forum Żgħażagħ Laburisti qalu li issa li l-pajjiż approva li ta' 16-il sena jibdew jivvutaw fl-elezzjonijiet ġenerali, il-pass li jmiss hu li nibnu ġenerazzjoni ta' attiviżmu politiku fost iż-żgħażagħ ta' 16-il sena wkoll. 
L-FŻL nieda l-kampanja Ġenerazzjoni Sittax, bil-għan li l-iżgħar membri tal-Forum jingħataw l-ispazju fejn jinżviluppaw il-ħsibijiet politiċi tagħhom. 
Fost l-oħrajn semma li diġà beda jopera sottokumitat fi ħdan l-FŻL, magħmul fil-parti l-kbira minn żgħażagħ ta' 16 u 17-il sena.