L-MPs iridu jagħżlu – George Hyzler

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Dr George Hyzler, qed jipproponi tibdil fil-Kostituzzjoni sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-Parlament u tal-qrati, u sabiex jiġi mħares aħjar il-prinċipju tal-mertu fil-ħatriet fl-amministrazzjoni pubblika.

Il-proposti tal-Kummissarju huma miġbura f’rapport ta’ 138 paġna, li ppreżenta lill-President George Vella, bħala risposta għas-sejħa għal sottomissjonijiet dwar riformi kostituzzjonali. Ir-rapport inkiteb minn Dr Hyzler flimkien mad-Direttur Ġenerali fl-uffiċċju tiegħu, Charles Polidano.

Fost affarijiet oħra, ir-rapport jipproponi li:

  • deputati parlamentari jiġu skwalifikati mill-Parlament jekk jaċċettaw kuntratti ta’ kwalunkwe tip mingħand il-Gvern jew xi entità pubblika.
  • id-deputati m’għandhomx jitħallew jaċċettaw ħatriet bħala persuni ta’ fiduċja jew bħala membri ta’ bordijiet jew kumitati tal-gvern.

Kontra l-Kostituzzjoni li MPs jaħdmu mal-Gvern

“Fundamentalment ħażin” li MPs jingħataw xogħol mal-Gvern – Il-Kummissarju Hyzler

  • l-imħallfin u l-maġistrati għandhom jintgħażlu skont il-mertu, wara sejħiet pubbliċi għal espressjonijiet ta’ interess immirati lejn karigi speċifiċi fil-ġudikatura. Is-sistema preżenti tal-ħatriet ġiet riformata fl-2016, iżda għadha tagħti wisq diskrezzjoni lill-Gvern tal-ġurnata.
  • Ħatriet ta’ fiduċja fis-segretarjati tal-ministri biss. Il-ħatriet fil-bqija tal-amministrazzjoni pubblika għandhom bħala regola ġenerali jsiru skont il-mertu.
  • Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għandha tingħata l-kompitu li tħares il-prinċipju tal-mertu fl-amministrazzjoni pubblika kollha, mhux biss fiċ-Ċivil kif inhu l-każ bħalissa.
  • Għall-ħatra ta’ chairpersons tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u kummissjonijiet kostituzzjonali oħra, kif ukoll tal-kapijiet tal-Forzi Armati, il-Pulizija u s-Servizz tas-Sigurtà, għandu jintuża l-istess mekkaniżmu tal-ħatriet tal-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Istandards innifsu jinħatru mill-President skont riżoluzzjoni parlamentari li tgħaddi bil-voti ta’ mill-inqas żewġ terzi tad-deputati.
  • Is-Segretarji Permanenti, li huma l-ogħla uffiċjali f’kull ministeru, għandhom jinħatru mill-President skont il-mertu, iżda l-Prim Ministru għandu jkollu s-setgħa li joġġezzjona għal xi ħatra partikolari. Jekk il-President jaċċetta l-oġġezzjoni tal-Prim Ministru, jerġa’ jsir il-proċess tal-għażla għal dik il-kariga.

Dr George Hyzler jinsisti li l-prinċipji tad-demokrazija jitolbu li l-Parlament għandu jkun kapaċi jżomm il-Gvern kontabbli għall-għemil tiegħu, iżda l-Parlament ma jistax ikun effettiv f’dan l-irwol jekk id-deputati jiddependu fuq il-Gvern għall-għajxien tagħhom. “Agħar minn hekk, mill-perspettiva tal-indipendenza tal-qrati, il-promozzjoni fil-ġudikatura – minn maġistrat għal imħallef u minn imħallef għal Prim Imħallef – għadhom għal kollox fid-diskrezzjoni tal-Gvern”.