“L-MPs għandhom jiddiskutu r-rapporti tal-Ombudsman aktar spiss”

Il-President ta’ Malta George Vella qal li jkun tajjeb jekk il-Kamra tad-Deputati tiddibatti r-riflessjonijiet u s-suġġerimenti fir-rapport annwali tal-Ombudsman b’mod aktar regolari, kif ġie ssuġġerit mill-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa fl-aħħar Rapport tagħha.

Il-President kien qed jitkellem waqt attività li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton biex jiġi varat il-ktieb Serving People and Parliament: The Ombudsman Institution in Malta, 1995-2020, editjat mill-Prof Edward Warrington fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mit-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Ombudsman. 

Fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet dwar il-Kostituzzjoni, il-President irrefera għar-Rapport li ħarġet f’Ottubru li għadda l-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, li jagħti importanza kbira lill-Uffiċċju tal-Ombudsman. B’mod iktar ġenerali, huwa ħeġġeġ lil dawk kollha involuti u interessati biex dan ir-Rapport jiġi dibattut b’mod kalm u kwiet sabiex jiġi deċiż bħala pajjiż x’għandna nadottaw minnu aktar minn dak li diġà ġie adottat.

Is-serata ġiet indirizzata wkoll mill-Ombudsman, is-Sur Anthony C. Mifsud, u mill-editur tal-ktieb, il-Prof. Edward Warrington.