“L-MPs għandhom jibqgħu kontabbli u responsabbli t’għemilhom” – PN

Ippreżentata mozzjoni biex jiġi rivedut ir-ruling mogħti mill-Ispeaker Anġlu Farrugia

Joseph Muscat

Read in English.

L-Erbgħa filgħodu ġiet ippreżentata mozzjoni mill-Partit Nazzjonalista sabiex jiġi rivedut ir-ruling mogħti mill-Ispeaker Anġlu Farrugia din il-ġimgħa stess u li permezz tiegħu ġie deċiż li ma tista’ tittieħed l-ebda azzjoni fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar abbuż ta’ poter u ksur tal-Kodiċi ta’ Etika meta ta struzzjonijiet biex l-eks Ministru Konrad Mizzi jinħatar konsulent mal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.

Fi stqarrija maħruġa mill-kelliema tal-Oppożizzjoni, Karol Aquilina, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, u Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku u mill- Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Carmelo Mifsud Bonnici ingħad li l-Oppożizzjoni temmen bis-sħiħ li r-ruling tal-Ispeaker iġib fix-xejn il-funzjonijiet, is-setgħat u l-obbligi tal-Kumitat Permanenti dwar Standards fil-Ħajja Pubblika billi jrendih bla snien fil-konfront ta’ min, bħal Joseph Muscat, ikun instab ħati ta’ abbużi ta’ poter u ksur ta’ dmirijiet statutorji u etiċi.

Kemm Aquilina u kemm Mifsud Bonnici huma membro tal-Kumitat Permanenti dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.

Aktar minn hekk ir-ruling tal-Ispeaker ifisser li Membru Parlamentari jista’ jiżgiċċa faċilment milli jerfa’ r-responsabbiltaijiet tal-abbuż li jwettaq meta huwa membru parlamentari u dan kollu żgur mhux aċċettabbli qalet l-Oppożizzjoni.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista qalu li qed tqis ir-ruling mogħti mill-Ispeaker bħala xhieda u konferma li fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament, qed tirrenja impunità istituzzjonalizzata li qed tikkawża ħsara kbira għad-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Għalhekk bħala Oppożizzjoni qed jinsistu li r-ruling tal-Ispeaker għandu jiġi rivedut mill-Parlament sabiex dan ikun skont il-kelma u l-ispirtu tal-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn