“L-MPs għandhom ikunu full-time” – Fearne

Miguela Xuereb

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, li bħalissa qed itellaq kontra Robert Abela sabiex jilħaq Mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru la Joseph Muscat jirriżenja f’Jannar, qal li jikkunsidra li l-Membri Parlamentari jsiru full-time jekk jiġi elett hu.

Fearne kellu intervista mal-ġurnal internazzjonali Politico din il-ġimgħa, li fiha tkellem fuq xi ideat li għandu għat-titjib tas-saltna tad-dritt f’Malta. Il-Ministru għas-Saħħa għandu f’moħħu li jorganizza konferenza ma’ rappreżentanti tal-Gvern, tal-Oppożizzjoni, tas-soċjetà ċivili, tal-partiti politiċi u mal-istituzzjonijiet infushom sabiex jiddiskutu kif jistgħu jissaħħu l-istituzzjonijiet. Bħala kwistjonijiet x’jiġu diskussi, Fearne semma kif jintgħażel il-Kummissarju għall-Pulizija u jekk dan għandux jitneħħa, l-iffinanzjar tal-partiti, kemm jitħallsu l-Membri Parlamentari u jekk dawn għandhomx jibqgħu jaħdmu part-time jew isiru full-time. L-ambizzjoni ta’ Fearne hija li dawn l-affarijiet jiġu diskussi fl-ewwel 100 jum tiegħu bħala Prim Ministru.

Il-ġurnal Politico kiteb dwar kif Fearne jrid jiddistakka ruħu mill-Prim Ministru Joseph Muscat u dawk qribu, minħabba li l-eks Chief of Staff Keith Schembri qed jissemma kontinwament fl-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u saħansitra qed jiġi investigat fuq qtil. Fl-istess waqt, Fearne jrid iżomm ruħu qrib il-Partit Laburista li jrid imexxi. Skont Politico, Fearne ilu jagħmel dan tul din l-aħħar sena, b’turija tal-ambizzjoni tiegħu li jinfatam minn Muscat sabiex eventwalment jilħaq minfloku.

Dwar il-kwistjoni Fearne qal lil Politico li Malta tinsab kważi xxukkjata bl-aħbarijiet li ddominawha tul l-aħħar ġimgħat. Minkejja dan, Fearne jħares ‘il quddiem għal iżjed suċċessi fl-ekonomija, u semma wkoll fl-intervista t-titjib tas-settur tas-saħħa fl-aħħar snin. Qal illi minn lista twila ta’ nies jistennew data għall-operazzjonijiet u nuqqas ta’ mediċini, issa Malta għandha waħda mill-aħjar sistemi tas-saħħa fid-dinja.

It-tabib qal illi huwa ħerqan biex jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea, u li jrid li Malta tilqa’ u tkompli taħdem fuq ir-rakkomandazzjonijiet li għamlitilha l-Kummissjoni Venezja.