L-MPA tisħaq li l-Akkademja tal-Pulizija m’għandhiex tiġi abolita

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija (MPA) ippubblikat il-pożizzjoni tagħha dwar l-abbozz ta' liġi proposta mill-Gvern rigward l-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati.
Waqt li l-Gvern qed jipproponi t-twaqqif ta' Akkademja waħda li tinkorpora fiha t-taħriġ għall-Pulizija, il-Forzi Armati, il-Gwardjani tal-Ħabs u Membri tal-Protezzjoni Ċivili, l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ppreżentat ir-riżervi tagħha dwar dan l-abbozz.
L-Assoċjazzjoni qalet li waqt li fil-prinċipju hija taqbel u tappoġġja kull proġett li jieħu bis-serjetà t-taħriġ tal-Pulizija, fl-istess waqt ma tarax li hemm il-ħtieġa illi sabiex ikun hemm istituzzjoni akkademika komuni li tipprepara l-kurrikulu u l-programmi edukattivi, tiġi abolita l-Akkademja tal-Pulizija.

L-Assoċjazzjoni qalet li minnkejja li tifhem illi f'dawn l-aħħar numru ta’ snin, l-Akkademja tal-Pulizija kienet ineffettiva, ma jfissirx illi t-titlu tal-Akkademja għandu
jintrema u jintilef.

Fil-position paper ippreżentata mill-MPA, intqal li l-ħsieb wara akkademja waħda sabiex tilqa’ l-erba' funzjonijiet separati u distinti, jagħmel sens jekk wieħed kellu jħares lejn dan il-kunċett mil-lat ekonomiku.
Madankollu fi kliem l-MPA, 
anki dan il-komponent elementari ma jsibx bażi peress illi fl-iktar livelli bażiċi, l-erba’ dixxiplini huma distinti minn xulxin. 

L-Assoċjazzjoni sostniet li l-erba’ Korpi dixxiplinati – Pulizija, Armata, Gwardjani tal-Ħabs u Protezzjoni Ċivili, kollha għandhom rekwiżiti tekniċi, tattiċi, legali u operazzjonali distinti.