L-MP Cutajar b’appell biex it-tfal jitħallew imorru l-iskola

Miguela Xuereb

Il-Membru Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar appellat biex it-tfal barranin li joqogħdu f’Malta u qattgħu tliet xhur imċaħħda milli jmorru l-iskola jitħallew imorru l-iskola u jkollhom “ħajja normali.”

Id-Deputat kitbet fuq Facebook li dawn it-tfal m’għandhomx ħtija, u l-Maltin għandhom jimxu skont il-valuri biex it-tfal imorru l-iskola. Dan wara rapporti lokali li jgħidu li tal-inqas 12-il tifel u tifla tilfu l-ewwel tliet xhur tas-sena skolastika peress li l-ġenituri tagħhom għadhom qed jippruvaw jiksbulhom permess ta’ residenza f’Malta.

Aħna nazzjon li niftaħru bil-qalb tajba tagħna. Sadanittant minħabba teknikalitajiet legali, cahhadna tfal milli…

Posted by Rosianne Cutajar on Monday, January 6, 2020

Intant dalgħodu, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni Charles Caruana Carabez qal li huwa illegali li jkun hemm liġi li żżomm lit-tfal milli jattendu l-iskola. Huwa appella lill-Gvern biex jintervjeni sabiex isewwi din is-sitwazzjoni. Stqarr li hu lest li jagħmel l-investigazzjonijiet li hemm bżonn fuq dan il-każ.