L-MOU tal-Vitals kien iffirmat qabel ħarġet is-sejħa – Delia

Read in English.

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ppublika fuq Facebook ftehim (MoU) bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare li sostna kien iffirmat qabel ma kienet ħarġet is-sejħa għal-proposti tal-proġett.

Delia rrimarka li l-ftehim kien iffirmat fl-10 ta’ Ottubru tal-2014. Dak iż-żmien kienet għadha ma ħarġitx is-sejħa għall-proposti. Il-ftehim kien iffirmat mill-eks Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona. Delia insista li din hija prova ċara “li ħadmuna”. Hu staqsa lill-Prim Ministru Robert Abela biex jgħid xi jrid iktar sabiex jikkanċella “dan il-kuntratt ħalliel”.

Dalgħodu komplejna bil-kawża dwar Vitals. Qed nippubblika l-ftehim (MOU) li juri kif il-Gvern fl-10 ta' Ottubru 2014…

Posted by Adrian Delia on Wednesday, November 18, 2020

Intant, fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista, iffirmata mill-istess Delia u l-MP Karol Aquilina, intqal li x-xhieda fil-Qorti tal-bieraħ dwar il-bejgħ tat-tliet sptarijiet pubbliċi lil Vitals “tikkonferma li l-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi rabat lil pajjiżna biex iħallas €100,000,000 biex tliet sptarijiet pubbliċi jingħataw lura lill-poplu Malti u Għawdxi.” Il-kelliema qalu li dawn il-€100 miljun iridu jitħallsu xorta waħda, anke jekk il-Qorti tiddikkjara l-kuntratt oriġinali tal-2015 bħala wieħed null.

Ġurnali lokali rrappurtaw kif fix-xhieda tiegħu lbieraħ, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Finanzi, Alfred Camilleri, ilbieraħ spjega li l-klawżola tal-€100 miljun kienet forma ta’ obbligu kontinġenti li jidħol fis-seħħ biss f’każ ta’ xi nuqqas. Hu sostna li minħabba li minn dan il-ftehim ma sar xejn, din il-klawżola qatt ma tista’ tiġi attwata.

Il-kelliema sostnew li x-xhieda tal-bieraħ ikkonfermaw li l-bejgħ tat-tliet sptarijiet pubbliċi kienet immexxija mill-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Qalu li l-Ministri Edward Scicluna u Chris Cardona m’għamlu xejn bejn iwaqqfu jew jippruvaw jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Huma fakkru kif fi Frar tal-2020, fil-bidu tal-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru, Robert Abela kien wiegħed li se jirrevedi dan il-ftehim u se jwassal għal riżultat fi ftit ġimgħat. Madanakollu, s’issa għadu ma kkonfermax x’kienu l-konklużjonijiet ta’ dan il-kumitat u ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwaru. Sostnew li dan id-dewmien biex tittieħed deċiżjoni qed jiswa lill-poplu miljuni ta’ Ewro kull sena lil Steward Health Care u qed ikun imċaħħad minn servizz ta’ kwalità fi tliet sptarijiet pubbliċi.

Temmew jgħidu li jekk Abela jibqa’ ma jieħux deċiżjoni, mela anke hu jkun qed jaġixxi bħala kopliċi fl-aġir tal-eks Ministru Mizzi.