L-MIA magħżul fost l-aqwa 10 tad-daqs tiegħu skont Skytrax

Customs

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien wieħed mill-aqwa 10 ajruporti minn madwar id-dinja li kollha jospitaw bejn ħames u għaxar miljun passiġġier fis-sena skont l-istħarriġ li sar minn Skytrax.

Dan qalu l-Ajruport fi stqarrija, fejn ġie spjegat li l-MIA kien l-unika ajruport fl-Unjoni Ewropea f’din il-klassifika.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta spiċċa fost l-aqwa ajruporti tad-daqs tiegħu li jinkludu dak ta’ Adelaide fl-Awstralja, Christchurch International Airport fi New Zealand, fost oħrajn.

Skytrax kienet tat erba’ stillel lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fis-sena 2016.

Ir-rebbieħa ġew mħabbra fl-aħħar ta’ Marzu minn Skytrax. Ir-rebbieħa ġew iddeterminati abbażi ta’ voti mogħtijin minn passiġġieri li vjaġġaw bl-ajru fuq għadd ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni inklużi proċessi bħaċ-check-in u l-iskrining tas-sigurtà u l-għażla ta’ ħwienet fit-terminal, għal 550n ajruport madwar id-dinja.

Ir-rebbieħ ġenerali tal-World Airport Awards 2019 ta’ Skytrax kien Singapore Changi Airport, li rebaħ dal-premju għas-7 darba.