L-MIA jkompli jattrezza t-tagħmir għas-salvataġġ u t-tifi tan-nar

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) kompla jattrezza ruħu għas-salvataġġ u t-tifi
tan-nar bil-wasla ta’ vettura tat-tifi tan-nar ġdida mill-Awstrija tat-tip Rosenabuer Panther 8×8.

Fi stqarrija maħruġa mill-MIA intqal kif l-akkwist ta’ din il-vettura b’emissjonijiet baxxi, li tintuża minn bosta ajruporti internazzjonali, huwa parti mill-programm ta’ modernizzar tal-flotta ta’ vetturi ta’ tifi tan-nar tal-kumpanija, b’investiment li jlaħħaq madwar €2.9 miljun.

Bħala parti minn dan l-investiment hemm ordnati wkoll żewġ vetturi ta’ tifi tan-nar
tal-għamla Panther 6×6, li mistennijin jkomplu jattrezzaw lill-ajruport f’dak li
għandu x’jaqsam ma’ rispons għall-emerġenzi fis-sena 2021.

Il-vetturi ta’ tifi tan-nar tal-għamla Panther huma mfittxija għad-disinn modern
tagħhom u għadd ta’ funzjonijiet ġodda, inklużi potenza ta’ tifi tan-nar imtejba u
teknoloġija ta’ immaġnijiet termiċi għal kundizzjonijiet ta’ viżibbiltà baxxa. Dan ser
jippermetti lit-tim tas-Salvataġġ u t-Tifi tan-Nar fi ħdan l-ajruport jirrispondi għal
emerġenzi differenti b’aktar ħeffa u effiċjenza.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li issa fassal programm ta’ taħriġ sabiex
jiffamiljarizza lit-tim tas-Salvataġġ u t-Tifi tan-Nar mal-funzjonijiet kollha li joffru ttrakkijiet tal-għamla Panther. Eżempju ta’ waħda minn dawn il-funzjonijiet hija tturretta estendibbli tal-Panther 8×8 li tagħmel lil din il-vettura ideali għal rispons bi preċiżjoni għal emerġenzi li jseħħu f’ċertu għoli.