L-MHRA trid diskussjoni dwar l-enerġija fl-MCESD

L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, talbet lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali biex jiddiskuti l-istrateġiji tal-Gvern dwar l-enerġija.
L-MHRA diġa faħret it-tnaqqis fit-tariffi tad-dawl u l-ilma b’25%, liema tariffi se jorħsu wkoll għall-kumpaniji f’Marzu li ġej.
L-Assoċjazzjoni qalet li sar ħafna progress fl-Enemalta iżda identifikat ukoll l-infrastruttura ħażina u t-telf mid-distribuzzjoni li jammonta għall- 25% tad-domanda, liema kwistjonijiet għad iridu jiġu indirizzati.
L-MHRA qalet li l-prezz taż-żejt niżel ukoll aktar mill-prezzijiet tal-2008 fiż-żmien tal-kriżi finanzjarja.
Intqal li r-roħs fil-fuel u t-tariffi tad-dawl u l-ilma jagħtu aktar spazzju lill-individwi speċjalment dawk b’paga baxxa, filwaqt li jgħinu biex tikber l-ekonomija.