L-MHRA ottimista wara t-tħabbir ta’ progress fuq il-vaċċin

Miguela Xuereb

L-aħbar li l-vaċċin kandidat ta’ Pfizer kontra l-Covid-19 jidher li hu effettiv f’90% tal-każi ntlaqgħet b’mod pożittiv mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) li qalet li hi ottimista għas-settur tat-turiżmu fis-sena li ġejja.

L-MHRA qalet li din l-aħbar kienet l-ewwel aħbar medika pożittiva li s-settur kellu minn Jannar li għadda, u li tagħti tama li t-tmiem tal-pandemija qiegħed joqrob. Żiedet li hi dejjem insistiet fil-bżonn ta’ soluzzjoni medika qabel ma l-industrija tat-turiżmu tista’ tirreġistra irkupru, u li b’riżultat ta’ din l-aħbar, tista’ tibda tipprevedi l-wasla ta’ dan l-irkupru tant mistenni.

L-assoċjazzjoni qalet li temmen li l-affarijiet għandhom imorru lura għan-normal bil-mod, bil-livelli tat-turiżmu tal-2019 jintlaħqu 2-3 snin oħra. Qalet li ħafna destinazzjonijiet mistennija jikkompetu b’mod aggressiv biex jilħqu l-aktar nies possibli matul dan il-perijodu, u li Malta għandha tkun lesta tikkompeti magħhom.

Il-president tal-MHRA Tony Zahra wiegħed li l-assoċjazzjoni se tkompli taħdem fil-qrib mal-gvern u l-awtoritajiet relevanti biex jgħinu lil Malta tippromwovi ruħha.