L-MHRA għadha tal-fehma li l-ajruport għandu jinfetaħ

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) Tony Zahra għadu tal-fehma li l-ajruport Malti għandu jiftaħ, u biex juri dan, huwa qasam mal-midja tagħrif dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport Grieg.

F’email mibgħut lill-midja lbieraħ, Zahra spjega kif il-Ministru għat-Turiżmu Harry Theoharis ippreżenta pjan għall-Greċja biex tibda mill-ġdid tilqa’ lit-turisti, issa li l-imxija tal-coronavirus bdiet tbatti ftit.

Fl-istess waqt, il-linja tal-ajru Ryanair laqgħet il-linji gwida maħruġin mill-Unjoni Ewropea dwar it-tijir mill-ġdid fl-Ewropa f’Lulju u Awwissu. Ryanair qalet li tilqa’ b’mod partikolari l-pariri dwar il-maskri, li jirriflettu l-protokoll tal-linja tal-ajru stess.

Il-kumpanija se terġa’ tibda t-titjiriet fl-1 ta’ Lulju. Hija appellat lill-Gvern Ingliż u Irlandiż sabiex ineħħu l-miżuri li jgħidu li min jasal fil-pajjiż ikollu jagħmel 14-il jum kwarantina. Din il-miżura qed tintreħa f’diversi pajjiżi Ewropej li, minflok, qegħdin iħeġġu l-użu tal-maskri u t-tbegħid fiżiku.

Ladarba l-pandemija tkun ittaffiet, it-turisti se jkunu jistgħu jmorru l-Greċja mingħajr ma jagħmlu test tal-coronavirus jew jibqgħu kwarantina. Dan se jibda mill-1 ta’ Lulju. Il-Greċja se tibda tilqa’ pajjiżi minn 19-il pajjiż differenti fil-15 ta’ Ġunju.

Ftit tal-jiem ilu, l-MHRA għamlet appell lill-Gvern sabiex jiftaħ l-ajruport, għax inkella, billi s-settur turistiku jbati, eluf ta’ persuni jaf jitilfu xogħolhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn