L-MFSA twissi kontra kumpanija qarrieqa

MFSA

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) ħarġet avviż dwar entità bl-isem Mutual Real Estate Fund, li issa sar jisimha 21 Solstice, li permezz ta’ sit elettroniku qed tuża dettalji ta’ kumpanija ġenwina biex tqarraq bil-pubbliku għal skopijiet ta’ frodi.  

L-MFSA spjegat fi stqarrija li dan is-sit elettroniku qed jagħmel użu mid-dettalji ta’ kumpanija liċenzjata mill-MFSA, 21 Solstice Funds Sicav P.L.C.. Wissiet li din aktarx li hi skema ta’ natura dubjuża b’ċans kbir ta’ telf ta’ flus. L-Awtorità wissiet illi din mhijiex kumpanija reġistrata Malta u lanqas ma hi awtorizzata biex tipprovdi servizzi finanzjarji f’Malta jew minn Malta. Apparti dan, Mutual Real Estate Funds m’għandha l-ebda rabta ma’ 21 Solstice Funds Sicav P.L.C.

Skont l-Awtorità, is-sit elettroniku ta’ din il-“kumpanija” jidher li hu kopja ta’ sit elettroniku ta’ entità leġittima. Żiedet tgħid li l-pubbliku m’għandux jidħol f’negozju jew jagħmel tranżazzjonijiet mal-entità qarrieqa.

L-MFSA infurmat lil dawk li huma vittmi ta’ xi cryptocurrency scam jew kull tip ta’ scam finanzjarja oħra sabiex iwaqqfu kull tranżazzjoni ma’ din l-entità minnufih, u jikkuntattjaw l-MFSA kif ikollhom xi suspett.