L-MFSA twissi dwar żewġ kumpaniji

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) wissiet dwar żewġ kumpaniji li qed joperaw mingħajr liċenzja.

L-MFSA spjegat li ġiet infurtmata b’entità li qed topera bl-isem ta’ UMarkets u li qed tgħid li hi broker kummerċjali online. Tgħid li hija propjetà ta’ Market Solutions Limited, li toffri Forex, kommoditajiet, CFDs u indiċijiet. Il-kumpanija tiddikjara wkoll li għandha “relazzjonijiet sostanzjali ma’ banek Ewropej u fl-Asja bħall-HSBC”.

Similarment, l-MFDA qalet li saret taf b’entità oħra bl-isem ta’ ProuFx li tippreżenta lilha nnifisha bħala Forex Broker online bi pjattaforma ta’ kummerċ fuq l-internet, fejn kummerċjanti jista’ jkollhom aċċess għal swieq finanzjarji globali u jistgħu jagħżlu fost aktar minn 250 strument ta’ kummerċ li jinkludu currency pairs, stokkijiet u indiċijiet, b’effett li jasal sa 1:500.

L-MFSA informat lill-pubbliku kemm f’Malta kif ukoll barra li l-UMarkets u ProuFx mhumiex kumpanija rreġistrata Malta u lanqas mhuma liċenzjati jew awtorizzati mill-MFSA biex tipprovdi servizz ta’ skambju jew servizzi finanzjarji oħra li huma meħtieġa li jkunu liċenzjati jew bi kwalunkwe mod ieħor awtorizzati taħt il-liġi Maltija. B’hekk ħadd m’għandu jidħol f’negozju jew jagħmel tranżizzjonijiet ma’ din l-entità.

L-MFSA fakkret lill-konsumaturi ta’ servizzi finanzjarji biex ma jidħlu f’ebda transazzjoni ta’ servizzi finanzjarji qabel ma jkunu ċerti li l-entità li magħha qed issir it-transazzjoni hija awtorizzata li tipprovdi dawk is-servizzi mill-MFSA jew minn xi regolatur ieħor tas-servizzi finanzjarji ta’ reputazzjoni tajba. 

Għamlet referenza wkoll għal avviżi li nħarġu minn numru ta’ awtoritajiet regolatorji barranin kontra l-istess UMarkets u Market Solutions Ltd, inkluż fil-Belġju, Spanja u l-Awstralja. Appellat sabiex l-investituri jaġixxu b’kawtela massima meta jsirulhom offerti ta’ servizzi finanzjarji b’metodi mhux konvenzjonali bħal telefonati jew permezz tal-midja soċjali.

Tista’ tara lista sħiħa ta’ entitajiet liċenzjati mal-MFSA minn hawn.