L-MFSA twissi dwar skemi qarrieqa

Read in English.

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) qed tappella lill-entitajiet liċenzjati minnha u lill-pubbliku, għal possibilità ta’ skemi qarrieqa jew scams finanzjarji li qed jippruvaw japprofittaw mis-sitwazzjoni preżenti tal-coronavirus.  Dan sabiex jattakkaw entitajiet u individwi bl-għan li jisirqu fondi jew informazzjoni personali sensittiva.

L-MFSA saħqet li dawn l-iskemi frodulenti jistgħu jinkludu pariri relatati ma’ investimenti għall-iżvilupp ta’ kuri, talbiet ta’ fondi, poloz mediċi jew tas-saħħa, offerti għall-bejgħ ta’ provvisti, użu ta’ siti foloz u imejls b’kontenut malizzjuż.

L-Awtorità fakkret lill-konsumaturi ta’ servizzi finanzjarji biex ma jidħlu f’ebda tranżazzjoni ta’ servizzi finanzjarji sakemm ma jkunux ċerti li l-entità li magħha qed issir it-tranżazzjoni hija awtorizzata li tipprovdi dawn is-servizzi mill-MFSA jew minn regolatur ieħor.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn