L-MFSA twissi dwar perikli li ġġib magħha munita diġitali bħall-Bitcoin

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) wissiet lill-pubbliku dwar 5 perikli li ġġib magħha l-Bitcoin, il-munita virtwali li ATMs tagħha ġew installati l-ġimgħa l-oħra f’Malta.
L-MFSA qegħda tinforma lill-pubbliku li munita virtwali bħall-Bitcoin hija strument diġitali mhux regolat, li jiġi użat bħala forma ta’ flus mhux maħruġa jew garantita minn bank ċentrali jew minn xi awtorità oħra u mhix ekwivalenti għal munita tradizzjonali.
Barra minn hekk, tkompli l-istqarrija tal-MFSA, il-fornituri tas-servizzi fir-rigward tal-muniti virtwali bħalissa mhumiex regolati mil-liġi u lanqas huma awtorizzati mill-MFSA.
Ġie rrimarkat li Bitcoin mhijiex l-unika munita virtwali li teżisti, u għalhekk l-awtorità elenkat il-ħames riskji meta wieħed juża dawn it-tip ta’ muniti.
Fost l-oħrajn, il-flus b’muniti virtwali jistgħu jintilfu fuq il-pjattaformi ta’ skambju li m’għandhom ebda protezzjoni legali.
Il-flus jistgħu jinsterqu mill-kartiera diġitali tiegħek. Għalkemm din il-kartiera diġitali jkollha mfietaħ diġitali magħha (passwords), xorta hija suxxettibbli għal hackers.
Il-persuna mhix protetta meta tħallas b’munita diġitali.
Il-valur tal-munita virtwali jista’ jinbidel malajr, saħansitra jonqos għal żero.
U finalment, l-MFSA twissi kif tranżazzjonijiet f'munita virtwali jistgħu jintużaw ħażin għal attivitajiet kriminali.
L-MFSA għalhekk tagħti parir lill-pubbliku biex jeżerċita kawtela u jkun viġilanti meta jittratta ma’ muniti virtwali u biex jiżgura li jkunu nftiehmu r-riskji involuti.
Wieħed għandu wkoll jiffamiljarizza ruħu mal-proprjetà, ir-reputazzjoni, it-trasparenza u l-perċezzjoni pubblika tal-pjattaformi ta’ skambju li qed tikkunsidra li tuża, ittemm l-istqarrija.