L-MFSA twissi dwar OneCoin minħabba riskju ta’ telf ta’ flus

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta qed twissi dwar OneCoin, entità li toffri firxa ta’ servizzi finanzjarji fosthom servizzi ta’ skambju u cloud mining.
Fi stqarrija, l-Awtorità qalet li OneCoin mhix munita maħruġa minn xi Bank Ċentrali jew minn xi Awtorità pubblika u għalhekk il-promoturi tagħha mhumiex liċenzjati mill-MFSA biex jagħtu servizz ta’ investiment f’Malta.
Saħqet li l-opportunitajiet ta’ investiment li qed toffri din l-entità huma dubjużi b’riskju li jkun hemm telf ta’ flus.
Temmet tgħid biex kull min jagħmel xi tip ta’ investiment, l-ewwel jaċċerta ruħu dwar l-entità li magħha jkun se jinvesti u jara jekk hux awtorizzata mill-MFSA jew regolatur ieħor tas-servizzi finanzjarji.