​L-MFSA twissi dwar il-kumpanija VSB Malta

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) ħarġet avviż dwar l-entità “VSB Malta” peress li mhix liċenzjata jew awtorizzata mill-MFSA biex tipprovdi servizzi finanzjarji f’Malta jew minn Malta.
Fi stqarrija, l-MFSA qalet li l-hekk imsejħa VSB Malta “b’mod qarrieqi qeda tgħid li hija regolata u liċenzjata mill-‘Malta Financial Services Commission’ biex tipprovdi servizzi fis-settur bankarju, tal-assigurazzjoni ġenerali, servizzi ta’ investiment u servizzi ta’ ‘funds’.”
Fl-avviż l-MFSA qalet li VSB Malta mhix entità Maltija u mhix magħrufa mill-MFSA. L-Awtorità appellat biex il-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji jibqgħu lura milli jidħlu f’negozju jew jagħmlu tranżazzjonijiet ma’ din l-entità.
L-MFSA kompliet tappella lill-investituri u konsumaturi tas-servizzi finanzjarji biex qabel ma jagħmlu kwanlunkwe investiment jew jidħlu fi tranżazzjoni ta’ servizzi finanzjarji jaċċertaw lilhom infushom li l-entità li magħha qed isir l-investiment jew it-tranżazzjoni hija awtorizzata li tipprovdi dawk is-servizzi mill-MFSA jew minn xi regolatur ieħor tas-servizzi finanzjarji kif applikabbli.