“L-MFSA triq waħda fadlilha” – espert finanzjarju

Paul Bonello, Kap Eżekuttiv ta' Finco, kumpanija tas-servizzi finanzjarji, sostna li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), issa triq waħda fadlilha, jiġifieri li tippubblika l-konklużjonijiet importanti kollha li għandha dwar il-Bank Pilatus u li ġabret wara xhur twal ta’ investigazzjoni, għax sa issa ma tat l-ebda rendikont pubbliku.
Dawn ghandhom jinkludi dettalji bħal meta saret l-applikazzjoni biex jiftaħ il-Bank Pilatus f'Malta, kemm ħadet żmien, kif saret l-applikazzjoni u kienx hemm indħil jew pressjoni biex ingħatat, u jekk fl-istadju tal-applikazzjoni kienx ġie żvelat li għaddejja l-investigazzjoni kriminali fl-Istati Uniti.
F’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt, Bonello sostna li sema’ ħafna politiċi jitkellmu dwar dak li ġara, li fi kliemu qed jgħaġġlu biex jisiltu konkluzjonijiet mill-aħbar tal-arrest fl-Istati Uniri biex isostnu t-teżijiet tagħhom.
Sid il-Bank Pilatus, Ali Sadr Hasheminejad, ġie arrestat it-Tlieta fl-Istati Uniti, u qed jiġi akkużat li pparteċipa fi skema ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran billi uża l-Venezwela biex jgħaddi €94 miljun, ekwivalenti għal $115 miljun mill-Istati Uniti għall-Iran, u anke ta’ hasil ta’ flus.
Il-marda tal-MFSA
Bonello jidhirlu li l-azzjonijiet li ħadet l-Awtorità Maltija għas-Servizi Finanzjarji (MFSA) wara li sar magħruf li sid il-Bank Pilatus ġie arrestat, juru kemm fil-verità baqgħet passiva u mhux proattiva, li dejjem taġixxi tard wisq. 
Iddeskriva dan l-atteġġjament tal-MFSA bħala “il-marda ta’ dejjem tal-MFSA” biex issa qed tagħmel crisis management.  Huwa staqsa kienx hemm għalfejn li l-MFSA toqgħod tistenna li jiġi arrestat sid il-Bank, biex tlaqqa’ b’mod urġenti.
Qal li l-laqgha li għamlet ilbieraħ filgħodu messha ilha li saret.
Ilbieraħ l-MFSA iltaqgħet b’urġenza u ddeċidiet li tkeċċi lil Hasheminejad u ordnat biex ma jsirux aktar tranżazzjonijiet.
Bosta talbu li l-MFSA tirrevoka l-liċenzja tal-Bank, iżda meta mistoqsi dwar dan, Bonello sostna li mhux se jagħmel konklużjonijiet għax m’għandux l-elementi li għandha jew suppost ghandha l-MFSA.
Sostna li min-naħa tagħha, l-MFSA għandha żżomm lill-pubbliku infurmat u tieħu l-azzjonijiet li jkun hemm bżonn fi żmienhom, u mhux meta’ tfaqqa’ l-kriżi jew tinfaqa’ l-bużżieqa. 
“L-MFSA riedet tinvestiga b’mod serju u sserraħ moħħ is-suq u moħħ in-nies minn dak li sabet, u tgħid x’irriżultalha anki minn investigazzjonijiet tal-FIAU”, sostna Bonello.
Tenna li r-regolatur irid mhux biss jitkellem, imma wkoll jitkellem b’konvinzjoni mal-pubbliku u mal-opinjoni pubblika, anke internazzjonali, li fuqha l-pajjiż jiddeoendi, anki għall-aħjar ġid tas-servizzi finanzjarji. 
Temm jgħid li “sulluzzu” bħal ta’ din il-ġimgha jkompli jsawwat ir-reputazzjoni tas-settur tas-servizzi finanzjarji.