L-MFSA tniedi reġistru ta’ Trusts onlajn

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) żviluppat pjattaforma onljan biex jiġu rreġistrati s-sidien benefiċjarja tat-Trusts jew it-Trusts Ultimate Beneficial Ownership Register.

Ir-reġistru se jkun qed jiffaċilità s-sottomissjoni eletronika ta’ informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji tat-trusts kif ukoll jipprovdi aċċess għal din l-informazzjoni onlajn. Ir-regolamenti l-ġodda jagħtu aċċess bla limitu lil diversi awtoritajiet fosthom l-Aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil ta’ flus (FIAU) u l-Awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa, il-Pulizija, l-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi, il-Bord tal-Moniteraġġ tas-Sanzjonijiet fost oħrajn.

Fi stqarrija l-Awtorità spjegat kif numru ta’ regolamenti ġew implimentati rigward l-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarja tat-trusts. Ir-regolamenti jinkludu wkoll reġistru għas-sidien benefiċjarja tat-Trusts u Trustees. F’Diċembru 2017, ġie ppubblikat l-Att dwar it-Trusts u Trustees permezz ta’ Avviż Legali, dawn ir-regoli daħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena.

L-MFSA matul l-ġimgħa li għaddiet organizzat numru ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar ir-regolamenti l-ġodda li għalihom attendaw iktar minn 200 rappreżentat mill-awtoritajiet kompententi kif ukoll trustees.

L-Awtorità se tkun qed tnedi filmati fil-ġimgħat li ġejjin biex jispjegaw ir-regolamenti l-ġodda li ddaħħlu fis-seħħ.