Pilatus Bank: Ma jista’ jagħmel l-ebda tranżazzjoni – L-MFSA

Mingħajr ma rrevokat il-liċenzja tal-Bank Pilatus, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) keċċiet is-sid tal-istess bank Ali Sadr Hasheminejad u ordnat biex ma jsirux aktar tranżazzjonijiet. 
Din l-istqarrija ħarġet wara l-aħbar li s-sid u ċ-ċermen tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hashemi Nejad ġie arrestat it-Tlieta fl-Istati Uniti. Hu qed jiġi akkużat li pparteċipa fi skema ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran billi uża l-Veneżwela biex jgħaddi €94 miljun, ekwivalenti għal $115 miljun mill-Istati Uniti għall-Iran.
Fi stqarrija, l-MFSA qalet li ħarġet ordni biex Ali Sadr Hasheminejad jitneħħa mill-pożizzjoni tiegħu bħala direttur tal-bank b’effett immedjat. Qalet li għandu jitneħħa minn kull rwol li għandu fi ħdan l-istess bank Pilatus.
L-MFSA qalet ukoll li minnufih Ali Sadr Hasheminejad jissospendi ruħu mid-dritt għal vot tiegħu bħala sieħeb bil-bank. L-MFSA qalet ukoll li Hasheminejad għandu jieqaf milli jeżerċita rappreżentazzjoni legali u ġudizzjarja tal-Bank Pilatus.
Fl-istqarrija tagħha, l-MFSA qalet li ordnat lill-Bank Pilatus biex ma jippermettix li jsiru aktar tranżazzjonijiet bankarji. Dawn it-tranżazzjonijiet jinkludu rtirar jew depożiti ta’ assi fi ħdan il-Bank mill-azzjonista, mill-membri tal-Bord tad-Diretturi, u tal-amministrazzjoni tal-Bank jew kwalunkwe persuna oħra relatata. Aktar tard, l-MFSA ħarġet stqarrija oħra biex tiċċara li ma jistgħux isiru tranżazzjonijiet minn l-ebda klijent tal-bank.
Minkejja dan, fl-ewwel stqarrija tagħha, l-MFSA qalet li l-Bank ġie ordnat biex jakkwista permess mingħandha qabel ma jsiru xi movimenti tal-assi tal-istess bank.
MFSA temmet tgħid li qed tikkonsidra aktar miżuri superviżorji skont iċ-ċirkustanzi.
Tista' taqra l-istqarrija sħiħa tal-MFSA minn hawn:
Aqra aktar dwar l-iżviluppi tal-każ hawn:
L-MFSA hija responsabbli għas-superviżjoni tal-banek lokali – ECB
"L-Amerikani ilhom jafu, aġixxew biss illum" – Il-PM
Pilatus Bank: Neħħu l-liċenzja llum – PN; il-PM m'għandux poter – PL
Filmat: Pilatus maqjel tal-kriminalità; pulizija jintlemħu fil-Bank – attivisti
X’qalu l-MPs dwar Pilatus Bank fil-Parlament?

Pilatus Bank: X’qed jgħidu fuq l-arrest ta' sid il-bank?
Bdew jinvestigawh qabel ingħata l-liċenzja f’Malta
"Il-Maltin jiġru wara Efimova; l-Amerikani jarrestaw lil sid Pilatus" – ulied Daphne
Filmat: "Kont naf li se tiġri; Min se jerfa' r-responsabbiltà?" – Ferris
Ritratti: “Iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma” – sinjali quddiem il-Bank Pilatus u l-FIAU
Itennu għar-riżenja tal-Kummissarju llejla