L-MFSA titlob l-għajnuna mill-industrija

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji ippubblikat Discussion Paper dwar l-Initial Coin Offerings (ICO), il-muniti virtwali u s-servizzi relatati.  
Mil-lum sal-11 ta’ Jannar 2018, se jinfetaħ il-perjodu ta’ konsultazzjoni fejn l-MFSA qed titlob l-għajnuna mill-industrija għall-feedback dwar il-cryptocurrencies qabel ma tipproċedi bi proposti dettaljati għall-qafas legali fuq il-muniti virtwali. 
L-għan prinċipali tad-Discussion Paper huwa sabiex l-MFSA tippreżenta l-policy proposta għar-regolazzjoni tal-muniti virtwali li sa issa mhumiex regolati. 
Dawk interessati għandhom jibagħtu l-proposti tagħhom fuq vcfunds@mfsa.com.mt fiż-żmien indikat.   
Sadanittant, f'laqgħa li kellu ma' Stasis.Net, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li qed tiġi żviluppata leġiżlazzjoni ideali biex Malta ssir hub internazzjonali għal dawk li joperaw bit-teknoloġija blockchain. 
Fakkar li Malta qed taħdem biex timplimenta l-Istrateġija Nazzjonali tal-Blockchain billi tfassal qafas legali ġdid li jirregola teknoloġija DLT is-sena d-dieħla.