L-MFSA titlob biex titneħħa l-liċenzja ta’ Pilatus Bank

Read in English.

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) talbet lill-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) biex il-liċenzja ta’ Pilatus Bank tiġi rtirata.

Fi stqarrija, l-MFSA ħabbret li ppreżentat formalment rakkomandazzjoni għall-irtirar tal-liċenzja tal-bank lill-ECB.

L-MFSA qalet li dan qed isir peress li sid il-bank, Ali Sadr Hashemi Nejad qed jiġi akkużat fl-Istati Uniti li wettaq offiżi kriminali finanzjarji. “L-MFSA m’għadhiex sodisfatta li Ali Sadr huwa persuna adattata kif meħtieġ mill-Att Bankarju”.

Pilatus Bank qed ikompli jikser il-liġi – MFSA

L-MFSA qalet ukoll li Pilatus Bank baqa’ jikser b’mod persisteni “l-kopertura tal-likwidità mitluba mil-liġi minn meta ġie akkużat Ali Sadr.”

L-Awtorità qalet li ilhsa ssegwi l-bank mill-qrib.

L-MFSA qalet ukoll li l-assi fil-bank se jibqgħu ffriżati. Qalet li se tkompli tipproteġihom sakkem l-investigazzjoni konġunta tal-MFSA u l-aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus (FIAU) dwar l-allegat ħasil ta’ flus fil-bank titlesta.

L-MFSA temmet tgħid li se tistenna l-evalwazzjoni tal-ECB dwar ir-rakkomandazzjoni tagħha qabel ma tieħu xi tip ta’ azzjoni.

Ittieħdet azzjoni xhur tard – PN

F’reazzjoni għal din l-aħbar, il-Partit Nazzjonalista (PN) qal li “ir-revoka tal-liċenzja tal-bank Pilatus mill-MFSA waslet xhur tard bi ħsara għar-reputazzjoni ta’ Malta.”

Il-PN fakkar kif kien ilu jgħid aktar minn sena li Pilatus Bank ma kellux jaħdem f’Malta għax kien qed jipperikola lis-settur tas-servizzi finanzjarji.

Fi kliem il-PN, il-Gvern baqa’ jkaxkar saqajh għal raġunijiet li jaf hu biss.

“Kellu jkun l-arrest tal-eks ċerpersin tal-bank Pilatus Ali Sadr fl-Istati Uniti li wasslet biex l-MFSA tibda l-proċess li bih setgħet ġiet revokata l-liċenzja ta’ dan il-bank. Dan apparti rapporti fil-midja indipendenti fejn ġie allegat li l-bank Pilatus kien qed jintuża minn persuni barranin biex minnu jgħaddu flus għax-xiri taċ-ċittadinanza.”